1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 11 12 13 14 15 16 17 18 19 20 21 22 23 24 25 26 27 28 29 30 31 32 33 34 35 36 37 38 39 40 41 42 43 44 45 46 47 48 49 50 51 52 53 54 55 56 57 58 59 60 61 62 63 64 65 66 67 68 69 70 71 72 73 74 75 76 77 78 79 80 81 82 83 84 85 86 87 88 89 90 91 92 93 94 95 96 97 98 99 100 101 102 103 104 105 106 107 108 109 110 111 112 113 114 115 116 117 118 119 120 121 122 123 124 125 126 127 128 129 130 131 132 133 134 135 136 137 138 139 140 141 142 143 144 145 146 147 148 149 150 151 152 153 154 155 156 157 158 159 160 161 162 163 164 165 166 167 168 169 170 171 172 173
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew1,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni2,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja3,
Billi:
(1)
Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) u l-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.
(2)
Il-prinċipji ta', u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament huwa maħsub biex jikkontribwixxi għall-kisba ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u ta' unjoni ekonomika, għall-progress ekonomiku u soċjali, it-tisħiħ u l-konverġenza tal-ekonomiji fis-suq intern, u għall-benesseri tal-persuni fiżiċi.
(3)
Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill4 tfittex li tarmonizza l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar u li tiżgura l-fluss liberu tad-data personali bejn l-Istati Membri.
(4)
L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b'rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma' drittijiet fundamentali oħrajn, f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b'mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.
(5)
L-integrazzjoni ekonomika u soċjali li rriżultat mill-funzjonament tas-suq intern wasslet għal żieda sostanzjali fi flussi transkonfinali ta' data personali. Żdied l-iskambju ta' data personali bejn atturi pubbliċi u privati, inklużi l-persuni fiżiċi, l-assoċjazzjonijiet u l-impriżi fl-Unjoni kollha. L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri qegħdin jintalbu bil-liġi tal-Unjoni biex jikkooperaw u jiskambjaw data personali sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom jew iwettqu kompiti f'isem awtorità fi Stat Membru ieħor.
(6)
L-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u l-globalizzazzjoni ġabu sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-data personali. L-iskala tal-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data personali żdiedet b'mod sinifikanti. It-teknoloġija tippermetti kemm lil kumpanniji privati kif ukoll lil awtoritajiet pubbliċi li jagħmlu użu minn data personali fuq skala mingħajr preċedenti sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Il-persuni fiżiċi qegħdin dejjem aktar jagħmlu l-informazzjoni personali disponibbli pubblikament u globalment. It-teknoloġija bidlet kemm l-ekonomija kif ukoll il-ħajja soċjali, u għandha tkompli tiffaċilita l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni u t-trasferiment lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali.
(7)
Dawk l-iżviluppi jeħtieġu qafas b'saħħtu u aktar koerenti għall-protezzjoni tad-data fl-Unjoni, appoġġat minn infurzar qawwi, minħabba l-importanza tal-ħolqien tal-fiduċja li ser tippermetti li l-ekonomija diġitali tiżviluppa fis-suq intern kollu. Il-persuni fiżiċi għandu jkollhom il-kontroll tad-data personali tagħhom. Għandha tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u prattika għall-persuni fiżiċi, l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet pubbliċi.
(8)
Fejn dan ir-Regolament jipprevedi speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet għar-regoli tiegħu mil-liġijiet tal-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu, sa fejn ikun meħtieġ għall-koerenza u biex id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu komprensibbli għall-persuni li għalihom japplikaw, jinkorporaw elementi ta' dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħhom.
(9)
L-għanijiet u l-prinċipji tad-Direttiva 95/46/KE jibqgħu sodi, iżda din ma waqqfitx il-frammentazzjoni fl-implimentazzjoni fil-protezzjoni tad-data fl-Unjoni kollha, in-nuqqas ta' ċertezza legali jew perċezzjoni pubblika mifruxa li hemm riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-attività online. Id-differenzi fil-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, b'mod partikolari id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Istati Membri jistgħu jimpedixxu l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni kollha. Dawk id-differenzi jistgħu jkunu ta' xkiel għat-twettiq ta' attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni, jgħawwġu l-kompetizzjoni u jxekklu lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Tali differenza fil-livelli ta' protezzjoni hija dovuta għall-eżistenza ta' differenzi fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE.
(10)
Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għall-konformità ma' obbligu legali, għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament. Flimkien mal-liġi ġenerali u orizzontali dwar il-protezzjoni tad-data għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri għandhom diversi liġijiet speċifiċi għas-settur f'oqsma li jeħtieġu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi. Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll marġni ta' manuvrar għall-Istati Membri biex jispeċifikaw ir-regoli tagħhom, inkluż għall-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali (data sensittiva). Sa dak il-punt, dan ir-Regolament ma jeskludix il-liġijiet tal-Istati Membri li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar, inkluż li jiġu ddeterminati b'mod aktar preċiż il-kondizzjonijiet li taħthom l-ipproċessar ta' data personali jkun legali.
(11)
Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha teħtieġ it-tisħiħ u l-ispeċifikar fid-dettall tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta' dawk li jipproċessaw u jiddeterminaw l-ipproċessar ta' data personali, kif ukoll ta' setgħat ekwivalenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali u sanzjonijiet ekwivalenti għall-ksur fl-Istati Membri.
(12)
L-Artikolu 16(2) tat-TFUE jagħti mandat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistabbilixxu r-regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u r-regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.
(13)
Sabiex ikun żgurat livell konsistenti ta' protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, huwa meħtieġ Regolament li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-operaturi ekonomiċi, inklużi l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta' daqs medju, u biex jipprovdi lill-persuni fiżiċi fl-Istati Membri kollha l-istess livell ta' drittijiet u obbligi infurzabbli bil-liġi u responsabbiltajiet għall-kontrolluri u għall-proċessuri, sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-ipproċessar tad-data personali, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta' superviżjoni tal-Istati Membri differenti. Il-funzjonament adatt tas-suq intern jeħtieġ li l-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni ma jkunx ristrett jew ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali. Biex jieħu kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta' daqs medju, dan ir-Regolament jinkludi deroga għal organizzazzjonijiet b'inqas minn 250 impjegat fir-rigward taż-żamma ta' reġistru. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, u l-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji tagħhom huma mħeġġa jieħdu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta' daqs medju fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-kunċett ta' mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandu jiġi bbażat fuq l-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE5.
(14)
Il-protezzjoni mogħtija minn dan ir-Regolament għandha tapplika għall-persuni fiżiċi, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew il-post ta' residenza tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Dan ir-Regolament ma jkoprix l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċerna l-persuni ġuridiċi u b'mod partikolari l-impriżi stabbiliti bħala persuni ġuridiċi, inklużi l-isem u l-forma tal-persuna ġuridika u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuna ġuridika.
(15)
Sabiex il-ħolqien ta' riskju serju ta' ċirkomvenzjoni jiġi preventit, il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi għandha tkun teknoloġikament newtrali u ma għandhiex tistrieħ fuq it-tekniki użati. Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi għandha tapplika għall-ipproċessar tad-data personali b'mezzi awtomatizzati kif ukoll għall-ipproċessar manwali, jekk id-data personali titqiegħed jew tkun maħsuba biex titqiegħed f'sistema ta' arkivjar. Il-fajls jew settijiet ta' fajls, kif ukoll il-qoxra ta' barra tagħhom, li ma jkunux strutturati skont kriterji speċifiċi, m'għandhomx jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
(16)
Dan ir-Regolament ma japplikax għal kwistjonijiet ta' protezzjoni ta' drittijiet u libertajiet fundamentali jew il-fluss liberu ta' data personali relatata ma' attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bħal attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet fir-rigward tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-Unjoni.
(17)
Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill6 japplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u atti legali oħrajn tal-Unjoni applikabbli għal tali pproċessar tad-data personali għandhom jiġu adattati għall-prinċipji u r-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament u applikati fid-dawl ta' dan ir-Regolament. Sabiex ikun hemm qafas b'saħħtu u koerenti għall-protezzjoni tad-data fl-Unjoni, l-adattamenti meħtieġa tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom jiġu wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, biex ikun hemm applikazzjoni fl-istess ħin bħal dan ir-Regolament.
(18)
Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta' data personali minn persuna fiżika matul attività purament personali jew fid-dar u għalhekk mingħajr ebda rabta ma' attività professjonali jew kummerċjali. L-attivitajiet personali jew fid-dar jistgħu jinkludu korrispondenza u ż-żamma ta' indirizzi, jew netwerking soċjali u attività online imwettqa fil-kuntest ta' tali attivitajiet. Madankollu, dan ir-Regolament japplika għal kontrolluri jew proċessuri li jipprovdu l-mezzi għall-ipproċessar tad-data personali għal tali attivitajiet personali jew fid-dar.
(19)
Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali minn awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika u l-moviment liberu ta' tali data, hija s-suġġett ta' att legali speċifiku tal-Unjoni. Dan ir-Regolament m'għandux, għalhekk, japplika għall-attivitajiet ta' pproċessar għal dawk l-għanijiet. Madanakollu, id-data personali pproċessata mill-awtoritajiet pubbliċi skont dan ir-Regolament meta tintuża għal dawk l-għanijiet għandha tkun regolata minn att legali aktar speċifiku tal-Unjoni jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill7. L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw awtoritajiet kompetenti fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/680 b'kompiti li mhumiex neċessarjament imwettqa għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika, sabiex l-ipproċessar tad-data personali għal dawk il-finijiet l-oħra, sa fejn dan huwa fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni,
jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali minn dawk l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament. Tali dispożizzjonijiet jistgħu jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar ta' data personali minn dawk l-awtoritajiet kompetenti għal dawk il-finijiet l-oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-istruttura kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tal-Istat Membru rispettiv. Meta l-ipproċessar ta' data personali minn korpi privati jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibbiltà li taħt kondizzjonijiet speċifiċi l-Istati Membri jirrestrinġu bil-liġi ċerti obbligi u drittijiet meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex jiġu ssalvagwardjati interessi importanti speċifiċi inkluż is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika. Dan hu rilevanti pereżempju fil-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew l-attivitajiet tal-laboratorji forensiċi.
(20)
Filwaqt li dan ir-Regolament japplika, inter alia, għall-attivitajiet tal-qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tispeċifika l-attivitajiet ta' pproċessar u l-proċeduri ta' pproċessar b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali minn qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn. Il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta' data personali meta l-qrati jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha, inkluż it-teħid ta' deċiżjonijiet. Is-superviżjoni ta' tali attivitajiet tal-ipproċessar tad-data għandha tkun tista' tiġi fdata lil entitajiet speċifiċi fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru, li għandhom b'mod partikolari jiżguraw il-konformità mar-regoli ta' dan ir-Regolament, iżidu l-għarfien fost il-membri tal-ġudikatura dwar l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament u jittrattaw l-ilmenti b'rabta ma' tali operazzjonijiet ta' pproċessar ta' data.
(21)
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill8, b'mod partikolari tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta' fornituri ta' servizzi intermedjarji fl-Artikoli 12 sa 15 ta' dik id-Direttiva. Dik id-Direttiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għal funzjonament adatt tas-suq intern billi tiżgura l-moviment liberu ta' servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri.
(22)
Kwalunkwe pproċessar ta' data personali fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni għandu jsir f'konformità ma' dan ir-Regolament, irrispettivament minn jekk l-ipproċessar innifsu jseħħx fl-Unjoni jew le. L-istabbiliment jimplika l-eżerċizzju effettiv u reali ta' attività permezz ta' arranġamenti stabbli. Il-forma legali ta' dawn l-arranġamenti, sew jekk permezz ta' fergħa jew sussidjarja b'personalità ġuridika, mhijiex il-fattur determinanti f'dak ir-rigward.
(23)
Sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi ma jinċaħdux mill-protezzjoni li għandhom dritt għaliha skont dan ir-Regolament, l-ipproċessar ta' data personali ta' suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni, għandu jkun soġġett għal dan ir-Regolament fejn l-attivitajiet ta' pproċessar ikunu relatati mal-offerta ta' prodotti jew servizzi lil dawn is-suġġetti tad-data irrispettivament minn jekk dawn ikunux marbutin ma' ħlas jew le. Sabiex jiġi determinat jekk tali kontrollur jew proċessur ikunx qiegħed joffri prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni, għandu jiġi aċċertat jekk ikunx jidher li l-kontrollur jew proċessur ikun qiegħed jipprevedi li joffri servizzi lil suġġetti tad-data fi Stat Membru wieħed jew aktar fl-Unjoni. Filwaqt li s-sempliċi aċċessibbiltà għas-sit elettroniku tal-kontrollur, tal-proċessur jew ta' intermedjarju fl-Unjoni, jew għall-indirizz elettroniku jew għad-dettalji ta' kuntatt oħrajn, jew l-użu ta' lingwa użata b'mod ġenerali fil-pajjiż terz fejn ikun stabbilit il-kontrollur, mhijiex biżżejjed biex tiġi aċċertata tali intenzjoni, fatturi bħall-użu ta' lingwa jew munita użati b'mod ġenerali fi Stat Membru wieħed jew aktar bil-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti u servizzi f'dik il-lingwa, jew ir-referenza għal klijenti jew utenti li jinsabu fl-Unjoni, jistgħu juru li l-kontrollur biħsiebu joffri prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data fl-Unjoni.
(24)
L-ipproċessar ta' data personali ta' suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni għandu wkoll ikun soġġett għal dan ir-Regolament meta jkun relatat mal-monitoraġġ tal-imġiba ta' tali suġġetti tad-data sa fejn l-imġiba tagħhom isseħħ fl-Unjoni. Sabiex ikun iddeterminat jekk attività ta' pproċessar tistax titqies li tissorvelja l-imġiba tas-suġġetti tad-data, għandu jkun aċċertat jekk il-persuni fiżiċi humiex segwiti fuq l-internet inkluż l-użu potenzjali sussegwenti ta' tekniki ta' pproċessar tad-data personali li jikkonsistu mit-tfassil ta' profil ta' peruna fiżika, b'mod partikolari sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardawha jew għall-analiżi jew it-tbassir tal-preferenzi, l-imġiba u l-attitudnijiet personali tagħha.
(25)
Fejn il-liġi ta' Stat Membru tkun tapplika permezz tad-dritt internazzjonali pubbliku, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal kontrollur mhux stabbilit fl-Unjoni, bħal fil-każ ta' missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari ta' Stat Membru.
(26)
Il-prinċipji ta' protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Id-data personali li tkun għaddiet minn psewdonimizzazzjoni, li tista' tiġi attribwita lil persuna fiżika bl-użu ta' informazzjoni addizzjonali, għandha titqies bħala informazzjoni dwar persuna fiżika identifikabbli. Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment x'aktarx ikunu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament. Sabiex jiġi aċċertat liema mezzi huma raġonevolment mistennija jintużaw għall-identifikazzjoni tal-persuna fiżika, għandu jittieħed kont tal-fatturi oġġettivi kollha, bħall-ispejjeż tal-identifikazzjoni u l-ammont ta' żmien meħtieġ għall-identifikazzjoni, b'kont meħud tat-teknoloġija disponibbli fil-mument tal-ipproċessar u tal-iżviluppi teknoloġiċi. Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data m'għandhomx għalhekk japplikaw għall-informazzjoni anonima, jiġifieri informazzjoni li mhijiex marbuta ma' persuna fiżika identifikat jew identifikabbli jew għal data personali li ssir anonima b'tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jkunx għadu identifikabbli. Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma jikkonċernax l-ipproċessar ta' tali informazzjoni anonima, inkluż għal finijiet ta' statistika jew ta' riċerka.
(27)
Dan ir-Regolament ma japplikax għad-data personali ta' persuni deċeduti. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu regoli dwar l-ipproċessar ta' data personali ta' persuni deċeduti.
(28)
L-applikazzjoni ta' psewdonimizzazzjoni ta' data personali tista' tnaqqas ir-riskji għas-suġġetti tad-data kkonċernati u tgħin lill-kontrolluri u l-proċessuri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-protezzjoni ta' data. L-introduzzjoni espliċita ta' psewdonimizzazzjoni f'dan ir-Regolament mhijiex intiża biex tipprekludi kwalunkwe miżura oħra tal-protezzjoni ta' data.
(29)
Sabiex jinħolqu inċentivi biex tkun applikata l-psewdonimizzazzjoni fl-ipproċessar ta' data personali, waqt li ssir analiżi ġenerali, għandhom ikunu possibbli miżuri ta' psewdonimizzazzjoni fi ħdan l-istess kontrollur meta dak il-kontrollur ikun ħa miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżgura, għall-ipproċessar ikkonċernat, li dan ir-Regolament jiġi implimentat, u li l-informazzjoni addizzjonali li tattribwixxi d-data personali ma' suġġett tad-data speċifiku tinżamm separata. Il-kontrollur li jipproċessa d-data personali għandu jindika l-persuni awtorizzati fi ħdan l-istess kontrollur.
(30)
Il-persuni fiżiċi jistgħu jiġu assoċjati ma' identifikaturi online ipprovduti mill-apparat, l-applikazzjonijiet, l-għodod u l-protokolli tagħhom, bħal indirizzi tal-protokoll tal-internet, identifikaturi tal-cookies jew identifikaturi oħrajn bħal tags tal-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju. Dan jista' jħalli traċċi li, b'mod partikolari flimkien ma' identifikaturi uniċi u informazzjoni oħra li jirċievu s-servers, jistgħu jintużaw sabiex joħolqu profili tal-persuni fiżiċi u jidentifikawhom.
(31)
L-awtoritajiet pubbliċi li lilhom tiġi żvelata data personali f'konformità ma' obbligu legali għall-eżerċizzju tal-missjoni uffiċjali tagħhom, bħall-awtoritajiet tat-taxxa u doganali, l-unitajiet ta' investigazzjoni finanzjarja, l-awtoritajiet amministrattivi indipendenti, jew l-awtoritajiet tas-swieq finanzjarji, responsabbli mir-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq tat-titoli ma għandhomx jitqiesu bħala destinatarji jekk jirċievu data personali li tkun meħtieġa biex issir inkjesta partikolari fl-interess ġenerali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. It-talbiet għal żvelar li jintbagħtu mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom dejjem ikunu bil-miktub, motivati u okkażjonali u m'għandhomx jikkonċernaw sistema sħiħa ta' arkivjar jew iwasslu għall-interkonnessjoni ta' sistemi ta' arkivjar. L-ipproċessar ta' data personali minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jikkonforma mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data skont l-għanijiet tal-ipproċessar.
(32)
Il-kunsens għandu jingħata b'att affermattiv ċar li jistabbilixxi indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika, infurmata u mhux ambigwa tal-qbil tas-suġġett tad-data li huwa jaqbel li tiġi pproċessata data personali b'rabta miegħu, pereżempju b'dikjarazzjoni bil-miktub, inkluż b'mod elettroniku, jew bil-fomm. Dan jista' jinkludi l-immarkar ta' kaxxa meta jżur sit elettroniku tal-internet, l-għażla ta' settings tekniċi għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew xi dikjarazzjoni jew imġiba oħra li f'dan il-kuntest jindikaw b'mod ċar l-aċċettazzjoni tas-suġġett tad-data tal-ipproċessar propost tad-data personali tiegħu. Is-silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta' attività għaldaqstant ma għandhomx jitqiesu bħala kunsens. Il-kunsens għandu jkopri l-attivitajiet tal-ipproċessar kollha li jsiru għall-istess fini jew finijiet. Meta l-ipproċessar ikollu diversi finijiet, għandu jingħata kunsens għalihom kollha. Jekk il-kunsens tas-suġġett tad-data jkollu jingħata wara talba b'mod elettroniku, it-talba għandha tkun ċara, konċiża u li ma toħloqx tfixkil bla bżonn għall-użu tas-servizz li tkun qed tiġi pprovduta għalih.
(33)
Ħafna drabi ma jkunx possibbli li jiġi identifikat kompletament l-iskop tal-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika fil-ħin tal-ġbir tad-data. Għalhekk is-suġġetti tad-data għandhom jitħallew jagħtu l-kunsens tagħhom għal ċerti oqsma ta' riċerka xjentifika meta dan ikun konformi ma' standards etiċi rikonoxxuti għar-riċerka xjentifika. Is-suġġetti tad-data għandu jkollhom l-opportunità li jagħtu l-kunsens tagħhom biss għal ċerti oqsma tar-riċerka jew partijiet ta' proġetti tar-riċerka sa fejn ikun permessibbli mill-fini intenzjonat.
(34)
Id-data ġenetika għandha tiġi definita bħala data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi, li ntirtu jew inkisbu, ta' persuna fiżika li jirriżultaw mill-analiżi ta' kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika kkonċernata, b'mod partikolari l-analiżi kromosomika, l-analiżi tal-aċidu deossiribonuklejku (DNA) jew tal-aċidu ribonuklejku (RNA), jew mill-analiżi ta' xi element ieħor li jippermetti li tinkiseb informazzjoni ekwivalenti.
(35)
Id-data personali dwar is-saħħa għandha tinkludi d-data kollha dwar l-istat tas-saħħa ta' suġġett tad-data li tiżvela informazzjoni relatata mal-istat tas-saħħa fiżika jew mentali tas-suġġett tad-data fil-passat, fil-preżent jew fil-ġejjieni. Din tinkludi informazzjoni miġbura dwar il-persuna fiżika matul ir-reġistrazzjoni u għal, jew il-forniment ta', servizzi tal-kura tas-saħħa kif imsemmi fid-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill9 lil dik il-persuna fiżika; numru, simbolu jew element partikolari assenjat lill-persuna fiżika għall-identifikazzjoni unika tal-persuna fiżika għall-finijiet ta' saħħa; informazzjoni miġbura mill-ittestjar jew l-eżami ta' parti mill-ġisem jew sustanza tal-ġisem, inkluża dik minn data ġenetika u kampjuni bijoloġiċi; u kwalunkwe informazzjoni dwar, pereżempju marda, diżabbiltà, riskju ta' mard, storja medika, kura klinika jew l-istat fiżjoloġiku jew bijomediku tas-suġġett tad-data indipendentement mis-sors tiegħu, bħal pereżempju mingħand tabib jew professjonista tas-saħħa ieħor, sptar, apparat mediku, jew test dijanjostiku in vitro.
(36)
L-istabbiliment ewlieni ta' kontrollur fl-Unjoni għandu jkun il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, għajr jekk id-deċiżjonijiet dwar il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali jittieħdu fi stabbiliment ieħor tal-kontrollur fl-Unjoni, u f'dan il-każ, l-istabbiliment l-ieħor għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni. L-istabbiliment ewlieni ta' kontrollur fl-Unjoni għandu jkun stabbilit skont kriterji oġġettivi u għandu jimplika l-eżerċizzju effettiv u reali ta' attivitajiet ta' ġestjoni li jiddeterminaw id-deċiżjonijiet ewlenin dwar il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar permezz ta' arranġamenti stabbli. Dak il-kriterju ma għandux jiddependi minn jekk l-ipproċessar ta' data personali jitwettaqx f'dak il-post. Il-preżenza u l-użu ta' mezzi tekniċi u teknoloġiji għall-ipproċessar ta' data personali jew l-ipproċessar ta' attivitajiet, minnhom infushom, ma jikkostitwixxux stabbiliment ewlieni u għaldaqstant mhumiex kriterju determinanti għal stabbiliment ewlieni. L-istabbiliment ewlieni tal-proċessur għandu jkun il-post fejn tinsab l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni jew, jekk ma għandux amministrazzjoni ċentrali fl-Unjoni, il-post fejn iseħħu l-attivitajiet ta' pproċessar ewlenin fl-Unjoni. F'każijiet li jinvolvu kemm il-kontrollur kif ukoll il-proċessur, l-awtorità superviżorja ewlenija kompetenti għandha tibqa' l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn il-kontrollur ikollu l-istabbiliment ewlieni tiegħu iżda l-awtorità superviżorja tal-proċessur għandha titqies bħala awtorità superviżorja kkonċernata u dik l-awtorità superviżorja għandha tipparteċipa fil-proċedura ta' kooperazzjoni prevista minn dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru jew l-Istati Membri fejn il-proċessur ikollu stabbiliment wieħed jew aktar m'għandhomx jitqiesu bħala awtoritajiet superviżorji kkonċernati fejn l-abbozz ta' deċiżjoni jikkonċerna biss lill-kontrollur. Fejn l-ipproċessar jitwettaq minn grupp ta' impriżi, l-istabbiliment ewlieni tal-impriża li tikkontrolla għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni tal-grupp ta' impriżi, għajr fejn il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar jiġu ddeterminati minn impriża oħra.
(37)
Grupp ta' impriżi għandu jkopri impriża li tikkontrolla u l-impriżi kkontrollati tagħha, fejn l-impriża li tikkontrolla għandha tkun l-impriża li tista' teżerċita influwenza dominanti fuq l-impriżi l-oħra pereżempju permezz tas-sjieda, il-parteċipazzjoni finanzjarja jew ir-regoli li jirregolawha jew is-setgħa li timplimenta r-regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali. Impriża li tikkontrolla l-ipproċessar ta' data personali f'impriżi affiljati magħha għandha titqies, flimkien ma' dawk l-impriżi, bħala grupp ta' impriżi.
(38)
Il-minorenni jixirqilhom protezzjoni speċifika fir-rigward tad-data personali tagħhom, minħabba li dawn jistgħu jkunu inqas konxji tar-riskji, il-konsegwenzi u s-salvagwardji u d-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali. Tali protezzjoni speċifika għandha, b'mod partikolari, tapplika għall-użu ta' data personali tal-minorenni għall-finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jew biex jinħolqu profili ta' personalità jew ta' utent u l-ġbir ta' data personali fir-rigward tal-minorenni meta jsir użu minn servizzi offruti direttament lill-minorenni. Il-kunsens ta' min ikollu r-responsabbiltà ta' ġenitur m'għandux ikun meħtieġ fil-kuntest ta' servizzi preventivi jew ta' pariri offruti direttament lill-minorenni.
(39)
Kwalunkwe pproċessar ta' data personali għandu jkun legali u ġust. Għandu jkun trasparenti għall-persuni fiżiċi li fir-rigward tagħhom qiegħda tinġabar, tintuża, tiġi kkonsultata jew b'xi mod ieħor ipproċessata data personali u l-punt sa fejn id-data personali qiegħda tiġi pproċessata jew ser tiġi pproċessata. Il-prinċipju tat-trasparenza jeħtieġ li kwalunkwe informazzjoni u komunikazzjoni marbuta mal-ipproċessar ta' dik id-data personali tkun aċċessibbli faċilment u li tinftiehem faċilment, u li jintuża lingwaġġ ċar u sempliċi. Dak il-prinċipju jikkonċerna, b'mod partikolari, l-informazzjoni tas-suġġetti tad-data dwar l-identità tal-kontrollur u l-finijiet tal-ipproċessar u informazzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tal-persuni fiżiċi kkonċernati u d-dritt tagħhom li jiksbu konferma u komunikazzjoni tad-data personali li tikkonċernahom u li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tar-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali u kif għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'rabta ma' tali pproċessar. B'mod partikolari, il-finijiet speċifiċi li għalihom tiġi pproċessata data personali għandhom ikunu espliċiti u leġittimi u stabbiliti fil-mument meta tinġabar id-data personali. Id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju għall-finijiet li għalihom hija tkun qiegħda tiġi pproċessata. Dan jeħtieġ, b'mod partikolari, li jiġi żgurat li l-perijodu li matulu tinħażen id-data personali jkun limitat strettament għall-inqas possibbli. Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk il-fini tal-ipproċessar ma jkunx jista' jintlaħaq mod ieħor b'mod raġonevoli. Sabiex ikun żgurat li d-data personali ma tinżammx għal aktar żmien minn kemm meħtieġ, il-kontrollur għandu jistabbilixxi limiti ta' żmien għat-tħassir jew għal eżami perjodiku. Għandu jittieħed kull pass raġonevoli sabiex ikun żgurat li data personali li ma tkunx preċiża tiġi rettifikata jew titħassar. Id-data personali għandha tiġi pproċessata b'mod li jiżgura sigurtà u kunfidenzjalità adatti tad-data personali, inkluż għall-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat għad-data personali u t-tagħmir użat għall-ipproċessar jew l-użu tagħhom.
(40)
Sabiex l-ipproċessar ikun legali, id-data personali għandha tkun ipproċessata abbażi tal-kunsens tas-suġġett tad-data kkonċernat jew ta' xi bażi leġittima oħra, stabbilita bil-liġi, jew f'dan ir-Regolament jew f'liġi oħra tal-Unjoni jew ta' Stat Membru kif imsemmi f'dan ir-Regolament, inkluż il-ħtieġa ta' konformità mal-obbligu legali li għalih hu soġġett il-kontrollur jew il-ħtieġa għall-prestazzjoni tal-kuntratt li s-suġġett tad-data ikun parti fih jew li jiġu meħuda passi fuq it-talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt.
(41)
Fejn dan ir-Regolament jagħmel referenza għal bażi legali jew miżura leġiżlattiva, din mhux neċessarjament tkun tirrikjedi att leġiżlattiv adottat minn parlament, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont l-ordni kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, tali bażi legali jew miżura leġiżlattiva għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għal persuni soġġetti għaliha, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
(42)
Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jkun jista' juri li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu għall-attività tal-ipproċessar. B'mod partikolari fil-kuntest ta' dikjarazzjoni bil-miktub fuq kwistjoni oħra, is-salvagwardji għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data huwa konxju tal-fatt li jkun qiegħed jingħata kunsens u tal-punt sa fejn dan jingħata. F'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE10 għandha tiġi pprovduta dikjarazzjoni ta' kunsens ifformulata minn qabel mill-kontrollur f'forma intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi u mingħajr termini inġusti. Biex il-kunsens ikun wieħed informat, is-suġġett tad-data għandu jkun konxju mill-inqas tal-identità tal-kontrollur u l-finijiet tal-ipproċessar li għalihom tkun intenzjonata d-data personali. Il-kunsens ma għandux jitqies li ngħata liberament jekk is-suġġett tad-data ma jkollux għażla ġenwina jew libera jew ma jkunx jista' jiċħad jew jirtira l-kunsens mingħajr ħsara.
(43)
Sabiex jiġi żgurat l-għoti ta' kunsens b'mod liberu, il-kunsens ma għandux jipprovdi raġuni legali valida għall-ipproċessar ta' data personali f'każ speċifiku fejn ikun hemm żbilanċ ċar bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, b'mod partikolari fejn il-kontrollur huwa awtorità pubblika u għalhekk ikun improbabbli li l-kunsens ingħata liberament fiċ-ċirkostanzi kollha ta' dik is-sitwazzjoni speċifika. Il-kunsens huwa preżunt li mhux mogħti b'mod liberu jekk ma jippermettix li jingħata kunsens separat għal operazzjonijiet ta' pproċessar ta' data personali differenti minkejja li jkun xieraq fil-każ partikolari, jew jekk it-twettiq ta' kuntratt, inkluż il-provvediment ta' servizz, ikun jiddependi mill-kunsens minkejja li tali kunsens ma jkunx meħtieġ għal tali twettiq.
(44)
L-ipproċessar għandu jkun legali fejn ikun meħtieġ fil-kuntest ta' kuntratt jew tal-intenzjoni ta' dħul f'kuntratt.
(45)
Fejn l-ipproċessar jitwettaq f'konformità ma' obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali, l-ipproċessar għandu jkollu bażi fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix liġi speċifika għal kull ipproċessar individwali. Tista' tkun biżżejjed liġi li sservi ta' bażi għal diversi operazzjonijiet ta' pproċessar ibbażata fuq obbligu legali li huwa soġġett għalih il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali. Għandha tkun ukoll il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tiddetermina l-fini tal-ipproċessar. Barra minn hekk, dik il-liġi tista' tispeċifika l-kondizzjonijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament li jirregola l-legalità tal-ipproċessar ta' data personali, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-kontrollur, it-tip ta' data soġġetta għall-ipproċessar, is-suġġetti tad-data kkonċernati, l-entitajiet li lilhom tista' tiġi żvelata d-data personali, il-limitazzjonijiet tal-fini, il-perijodu tal-ħażna u miżuri oħra li jiżguraw ipproċessar legali u ġust. Għandha wkoll tkun il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-kontrollur li jwettaq il-kompitu fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali għandux ikun awtorità pubblika jew xi persuna fiżika jew ġuridika oħra regolata bil-liġi pubblika, jew, fejn ikun fl-interess pubbliku li jsir hekk, inkluż għal skopijiet ta' saħħa bħas-saħħa pubblika u l-protezzjoni soċjali u l-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, bil-liġi privata, bħal assoċjazzjoni professjonali.
(46)
L-ipproċessar tad-data personali għandu wkoll jitqies bħala legali fejn ikun meħtieġ biex jiġi protett interess li huwa essenzjali għall-ħajja tas-suġġett tad-data jew dak ta' persuna fiżika oħra. L-ipproċessar ta' data personali abbażi tal-interess vitali ta' persuna fiżika oħra fil-prinċipju għandu jsir biss fejn l-ipproċessar ma jistax jibbaża manifestament fuq bażi legali oħra. Xi tipi ta' pproċessar jistgħu jservu kemm raġunijiet importanti ta' interess pubbliku u interessi vitali tas-suġġett tad-data bħal pereżempju meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet umanitarji, inkluż għall-monitoraġġ ta' epidemiji u t-tixrid tagħhom jew f'sitwazzjonijiet ta' emerġenzi umanitarji, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' diżastri naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem.
(47)
L-interessi leġittimi ta' kontrollur inklużi dawk ta' kontrollur li lilu tista' tiġi żvelata d-data personali jew ta' parti terza, jistgħu jipprovdu bażi legali għall-ipproċessar, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux aktar importanti, b'kont meħud tal-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur. Tali interess leġittimu jista' jeżisti pereżempju fejn ikun hemm relazzjoni rilevanti u adatta bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur f'sitwazzjonijiet bħal fejn is-suġġett tad-data jkun klijent jew fis-servizz tal-kontrollur. Fi kwalunkwe każ il-preżenza ta' interess leġittimu tkun teħtieġ valutazzjoni bir-reqqa inkluż dwar jekk is-suġġett tad-data jkunx jista' raġonevolment jistenna, fil-mument u fil-kuntest tal-ġbir tad-data personali, li l-ipproċessar għal dak il-fini jkun jista' jsir. L-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b'mod partikolari, isiru iktar importanti mill-interess tal-kontrollur tad-data fejn tkun ipproċessata data personali f'ċirkostanzi fejn is-suġġetti tad-data jistennew b'mod raġonevoli li ma jsirx iktar ipproċessar. Minħabba li hija r-responsabbiltà tal-leġiżlatur li jipprovdi bil-liġi l-bażi legali għall-awtoritajiet pubbliċi sabiex jipproċessaw id-data personali, dik il-bażi ma għandhiex tapplika għall-ipproċessar mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. L-ipproċessar ta' data personali sal-punt strettament meħtieġ għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta' frodi wkoll jikkostitwixxi interess leġittimu tal-kontrollur tad-data kkonċernat. L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta jista' jitqies li twettaq għal interess leġittimu.
(48)
Kontrolluri li jkunu parti minn grupp ta' impriżi jew istituzzjonijiet affiljati ma' korp ċentrali jistgħu jkollhom interess leġittimu fit-trażmissjoni ta' data personali fi ħdan il-grupp ta' impriżi għal finijiet amministrattivi interni, inkluż l-ipproċessar ta' data personali ta' klijenti jew impjegati. Il-prinċipji ġenerali għat-trasferiment ta' data personali, fi ħdan grupp ta' impriżi, lejn impriża li tinsab f'pajjiż terz jibqgħu mhumiex affettwati.
(49)
L-ipproċessar ta' data personali sal-punt li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet li tiġi żgurata s-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni, jiġifieri l-kapaċità ta' netwerk jew ta' sistema ta' informazzjoni li tirreżisti, b'ċertu livell ta' fiduċja, avvenimenti aċċidentali jew azzjonijiet illegali jew malizzjużi li jikkompromettu d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità u l-konfidenzjalità tad-data personali maħżuna jew trażmessa, u s-sigurtà tas-servizzi relatati offruti minn, jew aċċessibbli permezz ta', dawk in-netwerks u s-sistemi, minn awtoritajiet pubbliċi, skwadri ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters — (CERTs), skwadri ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters (CSIRTs), minn fornituri ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika u minn fornituri ta' teknoloġiji u servizzi għas-sigurtà, jikkostitwixxi interess leġittimu tal-kontrollur tad-data kkonċernat. Dan jista', pereżempju, jinkludi l-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat għal netwerks ta' komunikazzjoni elettroniċi u d-distribuzzjoni ta' kodiċi malizzjuż u l-waqfien ta' attakki ta' ċaħda ta' servizz u d-danni lill-kompjuter u lil sistemi ta' komunikazzjoni elettroniċi.
(50)
L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment għandu jkun permess biss fejn l-ipproċessar ikun kompatibbli mal-finijiet li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment. F'tali każ ma tkun meħtieġa l-ebda bażi għajr dik li tkun ippermettiet il-ġbir tad-data personali. Jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru tista' tiddetermina u tispeċifika l-kompiti u l-finijiet li għalihom l-ipproċessar ulterjuri għandu jitqies bħala kompatibbli u legali. L-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika għandu jitqies bħala operazzjoni ta' pproċessar legali kompatibbli. Il-bażi legali pprovduta mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għall-ipproċessar ta' data personali tista' tipprovdi wkoll bażi legali għall-ipproċessar ulterjuri. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fini tal-ipproċessar ulterjuri jkunx kompatibbli mal-fini li għalih id-data personali tkun inġabret inizjalment, il-kontrollur, wara li jkun issodisfa r-rekwiżiti kollha għal-legalità tal-ipproċessar oriġinali, għandu jieħu kont fost oħrajn ta' kwalunkwe rabta bejn dawk il-finijiet u l-finijiet tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat, il-kuntest li fih id-data personali tkun inġabret, b'mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur rigward l-użu ulterjuri tagħha, in-natura tad-data personali, il-konsegwenzi tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat għas-suġġetti tad-data, u l-eżistenza ta' salvagwardji adatti kemm fl-operazzjoni tal-ipproċessar oriġinali kif ukoll f'dik tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat.
Fejn is-suġġett tad-data jkun ta kunsens jew l-ipproċessar ikun bbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex jiġu salvagwardati, b'mod partikolari, objettivi importanti ta' interess pubbliku ġenerali, il-kontrollur għandu jkun jista' jwettaq ipproċessar ulterjuri tad-data personali irrispettivament mill-kompatibbiltà tal-għanijiet. Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament u b'mod partikolari l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġett tad-data dwar dawk il-finijiet l-oħra u dwar id-drittijiet tiegħu jew tagħha, inkluż id-dritt li joġġezzjona, għandhom ikunu żgurati. L-indikar tal-possibbiltà ta' atti kriminali jew theddid għas-sigurtà pubblika mill-kontrollur u t-trażmissjoni tad-data personali rilevanti f'każijiet individwali jew f'diversi każijiet b'rabta mal-istess att kriminali jew theddid għas-sigurtà pubblika lil awtorità kompetenti għandhom jitqiesu bħala li huma fl-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur. Madankollu, tali trażmissjoni fl-interess leġittimu tal-kontrollur jew l-ipproċessar ulterjuri ta' data personali għandhom ikunu projbiti jekk l-ipproċessar ma jkunx kompatibbli ma' obbligu ta' segretezza legali, professjonali jew obbligu vinkolanti ieħor ta' segretezza.
(51)
Data personali, li min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista' joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Dik id-data personali għandha tinkludi data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, fejn l-użu tat-terminu oriġini razzjali f'dan ir-Regolament ma jimplikax li l-Unjoni taċċetta teoriji li jippruvaw jiddeterminaw l-eżistenza ta' razez umani separati. L-ipproċessar ta' ritratti m'għandhux sistematikament jitqies bħala pproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali peress li dawn ikunu koperti bid-definizzjoni ta' data bijometrika biss meta jiġu pproċessati b'mezz tekniku speċifiku li jippermetti l-identifikazzjoni unika jew l-awtentikazzjoni ta' persuna fiżika. Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, għajr jekk l-ipproċessar ikun permess f'każijiet speċifiċi stabbiliti f'dan ir-Regolament, b'kont meħud li l-liġi tal-Istati Membri tista' tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta' data sabiex tadatta l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament għal konformità ma' obbligu legali jew għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Minbarra r-rekwiżiti speċifiċi għal dan l-ipproċessar, il-prinċipji ġenerali u regoli oħra ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw, b'mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet għal ipproċessar legali. Id-derogi mill-projbizzjoni ġenerali għall-ipproċessar ta' tali kategoriji speċjali ta' data personali għandhom jiġu previsti b'mod espliċitu, fost oħrajn fejn is-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu jew tagħha jew fir-rigward ta' ħtiġijiet speċifiċi b'mod partikolari fejn l-ipproċessar isir waqt attivitajiet leġittimi minn ċerti assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jippermettu l-eżerċizzju ta' libertajiet fundamentali.
(52)
Id-deroga mill-projbizzjoni dwar l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali għandha tkun permessa wkoll meta tkun prevista fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru u soġġett għal salvagwardji adatti, sabiex jiġu protetti d-data personali u drittijiet fundamentali oħra, fejn ikun fl-interess pubbliku li jsir hekk, b'mod partikolari l-ipproċessar ta' data personali fil-qasam tal-liġi tal-impjiegi, il-liġi tal-protezzjoni soċjali, inkluż il-pensjonijiet u għas-sigurtà tas-saħħa, għal finijiet ta' monitoraġġ u twissija, prevenzjoni u kontroll ta' mard li jittieħed u ta' theddid serju ieħor għas-saħħa. Tali deroga tista' ssir għal finijiet ta' saħħa, inkluża s-saħħa pubblika u l-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, speċjalment sabiex tkun żgurata l-kwalità u l-kosteffettività tal-proċeduri użati għat-tpaċija ta' talbiet għal benefiċċji u servizzi fis-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa, jew għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika. Id-deroga għandha tippermetti wkoll l-ipproċessar ta' tali data personali fejn dan ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali, kemm jekk fi proċedimenti ġudizzjarji kif ukoll jekk fi proċedura amministrattiva jew extraġudizzjarja.
(53)
Il-kategoriji speċjali ta' data personali li jistħoqqilhom aktar protezzjoni għandhom jiġu pproċessati biss għal finijiet relatati mas-saħħa fejn ikun meħtieġ biex jinkisbu dawk il-finijiet għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi u s-soċjetà inġenerali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa jew soċjali u sistemi, li jinkludu l-ipproċessar mill-awtoritajiet tal-ġestjoni u tas-saħħa nazzjonali ċentrali ta' tali data għall-fini tal-kontroll tal-kwalità, l-informazzjoni ta' ġestjoni u s-superviżjoni ġenerali nazzjonali u lokali tas-sistema tal-kura tas-saħħa jew soċjali, u billi tiġi żgurata kontinwità tal-kura tas-saħħa jew soċjali u l-kura tas-saħħa transkonfinali jew tas-sigurtà tas-saħħa, għall-finijiet ta' monitoraġġ u twissija jew għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għandha tilħaq objettiv ta' interess pubbliku, kif ukoll għal studji mwettqa fl-interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jipprevedi kondizzjonijiet armonizzati għall-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali dwar is-saħħa, fir-rigward ta' ħtiġijiet speċifiċi, b'mod partikolari fejn l-ipproċessar ta' tali data jsir għal ċerti finijiet relatati mas-saħħa minn persuni soġġetti għal obbligu legali ta' segretezza professjonali. Il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għandha tipprovdi għal miżuri speċifiċi u adatti sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali u d-data personali tal-persuni fiżiċi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta' data ġenetika, data bijometrika jew data dwar is-saħħa. Madankollu, dan m'għandux ixekkel il-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni meta dawk il-kondizzjonijiet japplikaw għall-ipproċessar transkonfinali ta' tali data.
(54)
L-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali jista' jkun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku fl-oqsma tas-saħħa pubblika mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data. Tali pproċessar jeħtieġ li jkun soġġett għal miżuri adatti u speċifiċi sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. F'dak il-kuntest, saħħa pubblika għandha tiġi interpretata kif definita fir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill11, jiġifieri l-elementi kollha relatati mas-saħħa, b'mod partikolari l-istat tas-saħħa, inklużi l-morbożità u d-diżabbiltà, il-fatturi determinanti li għandhom effett fuq l-istat tas-saħħa, il-bżonnijiet fil-qasam tal-kura tas-saħħa, ir-riżorsi allokati għall-kura tas-saħħa, il-forniment tal-kura tas-saħħa u l-aċċess universali għaliha, kif ukoll l-infiq u l-finanzjament tal-kura tas-saħħa, u l-kawżi ta' mortalità. Tali pproċessar ta' data dwar is-saħħa għal raġunijiet ta' interess pubbliku ma għandux jirriżulta fl-ipproċessar ta' data personali għal finijiet oħra minn partijiet terzi bħal min iħaddem, kumpanniji tal-assigurazzjoni u kumpanniji bankarji.
(55)
Barra minn hekk, l-ipproċessar ta' data personali minn awtoritajiet uffiċjali bil-għan li jinkisbu l-miri, stabbiliti mil-liġi kostituzzjonali jew mil-liġi pubblika internazzjonali, ta' assoċjazzjonijiet reliġjużi rikonoxxuti uffiċjalment jitwettaq għal raġunijiet ta' interess pubbliku.
(56)
Fejn, matul attivitajiet elettorali, l-operat tas-sistema demokratika fi Stat Membru teħtieġ li l-partiti politiċi jikkompilaw data personali dwar l-opinjonijiet politiċi tan-nies, l-ipproċessar ta' din id-data jista' jkun permess għal raġunijiet ta' interess pubbliku, dment li jiġu stabbiliti salvagwardji adatti.
(57)
Jekk id-data personali pproċessata minn kontrollur ma tippermettix l-identifikazzjoni ta' persuna fiżika, il-kontrollur tad-data ma għandux ikun obbligat li jikseb informazzjoni addizzjonali sabiex jidentifika s-suġġett tad-data għall-fini waħdieni li jikkonforma ma' xi dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament. Madankollu, il-kontrollur ma għandux jirrifjuta li jieħu l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mis-suġġett tad-data sabiex jappoġġa l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu jew tagħha. L-identifikazzjoni għandha tinkludi l-identifikazzjoni diġitali ta' suġġett tad-data, pereżempju permezz ta' mekkaniżmu ta' awtentikazzjoni bħall-istess kredenzjali, użati mis-suġġett tad-data biex jilloggja fis-servizz online offrut mill-kontrollur tad-data.
(58)
Il-prinċipju tat-trasparenza jeħtieġ li kwalunkwe informazzjoni indirizzata lill-pubbliku jew lis-suġġett tad-data tkun konċiża, aċċessibbli faċilment u faċli li tinftiehem, u li jintuża lingwaġġ ċar u sempliċi u, barra minn hekk, fejn meħtieġ, tintuża l-viżwalizzazzjoni. Tali informazzjoni tista' tingħata f'forma elettronika, pereżempju, meta tiġi indirizzata lill-pubbliku, permezz ta' sit elettroniku. Dan huwa partikolarment rilevanti f'sitwazzjonijiet fejn il-proliferazzjoni ta' atturi u l-kumplessità teknoloġika tal-prattika jagħmluha diffiċli għas-suġġett tad-data li jkun jaf u jifhem jekk hijiex, minn min u għal liema għan qed tinġabar data personali dwaru, bħal fil-każ ta' reklamar online. Minħabba li t-tfal jistħoqqilhom protezzjoni speċifika, kwalunkwe informazzjoni u komunikazzjoni, fejn l-ipproċessar huwa indirizzat lil xi minorenni, għandha tkun f'lingwaġġ ċar u sempliċi li l-minorenni jista' jifhem faċilment.
(59)
Għandhom jiġu pprovduti modalitajiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju mis-suġġett tad-data tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament, inklużi mekkaniżmi sabiex jintalab u jekk applikabbli, jinkiseb, bla ħlas, b'mod partikolari, l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali u l-eżerċizzju tad-dritt li joġġezzjona. Il-kontrollur għandu jipprovdi wkoll l-mezzi biex isiru talbiet b'mod elettroniku, speċjalment fejn id-data personali tiġi pproċessata b'mezzi elettroniċi. Il-kontrollur għandu jkun obbligat iwieġeb għal talbiet mis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed u fi żmien mhux aktar minn xahar u jagħti raġunijiet fejn il-kontrollur ma jkollux l-intenzjoni li jikkonforma ma' kwalunkwe tali talba.
(60)
Il-prinċipji ta' pproċessar ġust u trasparenti jeħtieġu li s-suġġett tad-data jkun informat bl-eżistenza tal-attività tal-ipproċessar u l-għanijiet tagħha. Il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-kuntest li fih tiġi pproċessata d-data personali. Barra minn hekk, is-suġġett tad-data għandu jkun informat bl-eżistenza tat-tfassil tal-profil, u l-konsegwenzi ta' dan it-tfassil tal-profil. Fejn id-data personali tinġabar mis-suġġett tad-data, is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat ukoll dwar jekk hux obbligat jipprovdi d-data personali u dwar il-konsegwenzi, fejn huwa ma jipprovdix tali data. Dik l-informazzjoni tista' tingħata flimkien ma' ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali lejn l-ipproċessar intenzjonat b'mod li jidher faċilment, li jinftiehem u li jinqara sew. Fejn l-ikoni jkunu ppreżentati b'mod elettroniku, dawn għandhom ikunu jistgħu jinqraw minn magna.
(61)
L-informazzjoni fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali relatata mas-suġġett tad-data għandha tingħatalu meta tinġabar mis-suġġett tad-data, jew, fejn id-data personali tinkiseb minn sors ieħor, f'perijodu ta' żmien raġonevoli, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Fejn id-data personali tista' tkun żvelata b'mod leġittimu lil riċevitur ieħor, is-suġġett tad-data għandu jkun informat meta d-data personali tkun żvelata għall-ewwel darba lir-riċevitur. Fejn il-kontrollur jkollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u informazzjoni meħtieġa oħra. Fejn il-oriġini tad-data personali ma setgħetx tingħata lis-suġġett tad-data peress li jkunu intużaw diversi sorsi, għandha tingħata informazzjoni ġenerali.
(62)
Madankollu, mhuwiex meħtieġ li l-obbligu li tiġi provduta informazzjoni jiġi impost fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni, fejn ir-reġistrazzjoni jew l-iżvelar tad-data personali tkun espressament stabbilita bil-liġi, jew fejn l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data tirriżulta impossibbli jew tinvolvi sforz sproporzjonat. Dan tal-aħħar jista' jkun il-każ partikolarment fejn l-ipproċessar isir għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika. F'dak ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati l-għadd ta' suġġetti tad-data, l-età tad-data, u kwalunkwe salvagwardja adatta adottati.
(63)
Suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta' aċċess għal data li tkun inġabret dwaru, u li jeżerċita dak id-dritt faċilment u f'intervalli raġonevoli, sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar. Dan jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data dwar saħħithom, pereżempju d-data fir-reġistri mediċi tagħhom li jkun fihom informazzjoni bħal dijanjosi, riżultati ta' eżamijiet, valutazzjonijiet mit-tobba li qed jittrattawhom u kwalunkwe kura jew intervent ipprovdut. Kull suġġett tad-data għandu għalhekk ikollu d-dritt li jkun jaf u jikseb komunikazzjoni b'mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata d-data personali, fejn possibbli il-perijodu li għalih id-data personali tiġi pproċessata, ir-riċevituri tad-data personali, il-loġika involuta fi kwalunkwe pproċessar awtomatiku tad-data personali u, għallinqas meta bbażata fuq it-tfassil ta' profili, il-konsegwenzi ta' dan l-ipproċessar. Fejn possibbli, il-kontrollur għandu jkun jista' jipprovdi aċċess mill-bogħod għal sistema sikura li tipprovdi lis-suġġett tad-data b'aċċess dirett għad-data personali tiegħu. Dak id-dritt ma għandux jaffettwa negattivament id-drittijiet jew il-libertajiet ta' persuni oħrajn, inklużi sigrieti tan-negozju jew proprjetà intellettwali u b'mod partikolari d-dritt tal-awtur li jipproteġi s-software. Madankollu, ir-riżultat ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet m'għandux ikun rifjut li tiġi provduta l-informazzjoni kollha lis-suġġett tad-data. Fejn il-kontrollur jipproċessa kwantità kbira ta' informazzjoni rigward is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jkun jista' jitlob li qabel ma tingħata din l-informazzjoni, is-suġġett tad-data jispeċifika l-informazzjoni jew l-attivitajiet ta' pproċessar li għalihom tkun tirreferi t-talba.
(64)
Il-kontrollur għandu juża l-miżuri kollha raġonevoli sabiex jivverifika l-identità ta' suġġett tad-data li jitlob aċċess, b'mod partikolari fil-kuntest ta' servizzi online u identifikaturi online. Il-kontrollur m'għandux iżomm id-data personali għall-għan uniku li jkun jista' jirreaġixxi għal talbiet potenzjali.
(65)
Suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jkollu data personali li tirrigwardaha rettifikata u dritt li jintnesa fejn iż-żamma ta' tali data tikser dan ir-Regolament jew il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li jkun soġġett għaliha l-kontrollur. B'mod partikolari, suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li d-data personali tiegħu titħassar u ma tiġix ipproċessata aktar, fejn id-data ma tibqax meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tinġabar jew inkella tiġi pproċessata, fejn suġġett tad-data jkun irtira il-kunsens tiegħu jew joġġezzjona għall-ipproċessar ta' data personali li tirrigwardah jew inkella fejn l-ipproċessar tad-data personali tiegħu ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament. Dak id-dritt huwa rilevanti b'mod partikolari, fejn is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu meta kien tfal u, mhuwiex għal kollox konxju mir-riskji involuti fl-ipproċessar, u aktar tard ikun jixtieq ineħħi din id-data personali, b'mod speċjali fuq l-internet. Is-suġġett tad-data għandu jkun jista' jeżerċita dak id-dritt minkejja l-fatt li huwa m'għadux tifel jew tifla. Madankollu, iż-żamma ulterjuri tad-data personali għandha tkun legali fejn tkun meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, għall-konformità ma' obbligu legali, għat-twettiq ta' kompitu mwettaq fl-interess tal-pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika, għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika, jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.
(66)
Sabiex jissaħħaħ id-dritt li tintnesa fl-ambjent online, id-dritt għat-tħassir għandu jkun estiż ukoll b'mod li kontrollur li jkun għamel id-data personali pubblika għandu jkun obbligat li jinforma lill-kontrolluri li jipproċessaw tali data personali biex iħassru kwalunkwe link għal, jew kopja jew replika ta', dik id-data personali. Meta jagħmel dan, dak il-kontrollur għandu jieħu passi raġonevoli, b'kont tat-teknoloġija disponibbli u l-mezzi disponibbli għall-kontrollur, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jipproċessaw id-data bit-talba tas-suġġett tad-data.
(67)
Il-metodi li li bihom jiġi ristrett l-ipproċessar ta' data personali jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, it-trasferiment temporanju tad-data magħżula għal sistema tal-ipproċessar oħra,li d-data personali magħżula ma tkunx disponibbli għall-utenti jew li data ppubblikata titneħħa temporanjament minn sit elettroniku. F'sistemi tal-arkivjar awtomatizzati, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar għandha fil-prinċipju tiġi żgurata b'mezzi tekniċi b'tali mod li d-data personali ma tkunx soġġetta għal aktar operazzjonijiet ta' pproċessar u ma tkunx tista' tinbidel. Il-fatt li l-ipproċessar tad-data personali huwa ristrett għandu jiġi indikat b'mod ċar fis-sistema.
(68)
Sabiex isaħħu aktar il-kontroll fuq id-data tagħhom stess, fejn l-ipproċessar ta' data personali titwettaq b'mezzi awtomatizzati, is-suġġett tad-data għandu jitħalla wkoll jirċievi data personali li tikkonċernah, li huwa pprovda lil kontrollur, f'format strutturat, li jintuża komunement, li jista' jinqara b'magna u li jkun interoperabbli, u jittrażmettih lil kontrollur ieħor. Kontrolluri tad-data għandhom jiġu inkoraġġuti jiżviluppaw formati interoperabbli li jippermettu l-portabbiltà tad-data. Dak id-dritt għandu japplika fejn is-suġġett tad-data jkun ipprovda d-data personali abbażi tal-kunsens tiegħu jew l-ipproċessar ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratt. Ma għandux japplika fejn l-ipproċessar huwa bbażat fuq raġuni legali oħra għajr il-kunsens jew kuntratt. Min-natura proprja tiegħu dak id-dritt ma għandux jiġi eżerċitat kontra l-kontrolluri li jipproċessaw id-data personali fl-eżerċizzju tad-dmirijiet pubbliċi tagħhom. Għalhekk m'għandux japplika fejn l-ipproċessar tad-data personali huwa meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett jew għat-twettiq ta' kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Id-dritt tas-suġġett tad-data li jittrażmetti jew jirċievi data personali dwaru ma għandhux joħloq obbligu għall-kontrolluri li jadottaw jew iżommu sistemi tal-ipproċessar li huma teknikament kompatibbli. Fejn, f'ċertu sett ta' data personali, ikun ikkonċernat aktar minn suġġett wieħed tad-data, id-dritt ta' riċezzjoni tad-data personali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn f'konformità ma' dan ir-Regolament. Barra minn hekk, dak id-dritt ma għandux jippreġudika d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb it-tħassir ta' data personali u l-limitazzjonijiet ta' dak id-dritt kif stabbilit f'dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, ma għandux jimplika t-tħassir ta' data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data li jkunu ġew ipprovduti minnu għall-eżekuzzjoni ta' kuntratt, safejn u sakemm id-data personali hija meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' dak il-kuntratt. Fejn ikun teknikament fattibbli, is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jkollu d-data personali trażmessa direttament minn kontrollur għal ieħor.
(69)
Fejn id-data personali tista' tiġi pproċessata legalment minħabba li huwa meħtieġ ipproċessar għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, jew għal raġunijiet ta' interessi leġittimi ta' kontrollur jew parti terza, suġġett tad-data għandu, madankollu, jkun intitolat joġġezzjona għall-ipproċessar ta' kwalunkwe data personali relatata mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-kontrollur li juri li l-interess leġittimu konvinċenti tiegħu jegħleb l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data.
(70)
Fejn id-data personali tkun ipproċessata għall-għanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li joġġezzjona għal dan l-ipproċessar, inkluż it-tfassil ta' profili sa fejn dan ikun relatat ma' tali kummerċjalizzazzjoni diretta, kemm fir-rigward tal-ipproċessar inizjali kif ukoll dak ulterjuri, fi kwalunkwe ħin u bla ħlas. Għandha tinġibed l-attenzjoni tas-suġġett tad-data espliċitament għal dak id-dritt, u dan għandu jiġi ppreżentat b'mod ċar u separatament minn kwalunkwe informazzjoni oħra.
(71)
Is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni, li tista' tinkludi miżura, li tevalwa aspetti personali relatati miegħu li hija bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat u li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li taffettwah b'mod ugwalment sinifikanti, bħal rifjut awtomatiku ta' applikazzjoni għal kreditu online jew prattiki ta' reklutaġġ elettroniku mingħajr l-ebda intervent tal-bniedem. Tali pproċessar jinkludi tfassil ta' profili li jikkonsisti fi kwalunkwe forma ta' pproċessar awtomatizzat ta' data personali li tevalwa l-aspetti personali relatati ma' persuna fiżika, b'mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassrin aspetti li jikkonċernaw il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi jew l-interessi personali, l-affidabbiltà jew l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti tas-suġġett tad-data, fejn dan jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew jaffettwah b'mod ugwalment sinifikanti. Madankollu, it-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq tali pproċessar, inkluż it-tfassil ta' profili, għandu jkun permess fejn dan ikun espressament awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur, inkluż għal monitoraġġ ta' frodi u evażjoni ta' taxxa u għanijiet preventivi li jsiru f'konformità mar-regolamenti, l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew il-korpi ta' sorveljanza nazzjonali u biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-affidabbiltà ta' servizz ipprovdut mill-kontrollur, jew meħtieġ biex wieħed jidħol f'kuntratt jew jeżegwixxi kuntratt bejn is-suġġett tad-data u kontrollur, jew meta s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens espliċitu tiegħu. Fi kwalunkwe każ, dan l-ipproċessar għandu jkun soġġett għal salvagwardji adatti, li għandhom jinkludu informazzjoni speċifika dwar is-suġġett tad-data u d-dritt li dan jikseb intervent uman, id-dritt li jesprimi l-fehma tiegħu, id-dritt li jikseb spjegazzjoni tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet wara tali valutazzjoni u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjoni. Tali miżura m'għandhiex tikkonċerna tfal.
Sabiex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-kuntest li fih tiġi pproċessata d-data personali, il-kontrollur għandu juża proċeduri matematiċi jew statistiċi adegwati għat-teħid ta’ profili, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiġi żgurat, b’mod partikolari, li fatturi li jirriżultaw f’ineżattezzi fid-data personali jiġu kkoreġuti u jitnaqqas ir-riskju ta’ żbalji, jiżgura d-data personali f’mod li jieħu kont tar-riskji potenzjali involuti għall-interessi u d-drittijiet tas-suġġett tad-data u jipprevjeni, fost oħrajn, effetti diskriminatorji fuq persuni fiżiċi abbażi tar-razza jew oriġini etnika, opinjoni politika, reliġjon jew twemmin, sħubija fi trade union, stat ġenetiku jew tas-saħħa jew orjentazzjoni sesswali, jew ipproċessar li jirriżulta f’miżuri li jkollhom dan l-effett. It-teħid ta' deċiżjonijiet u t-teħid ta' profili b'mod awtomatizzat ibbażati fuq kategoriji speċjali ta' data personali għandhom ikunu permessi biss taħt kondizzjonijiet speċifiċi.
(72)
It-tfassil ta' profili huwa soġġett għar-regoli ta' dan ir-Regolament li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali, bħar-raġunijiet legali għall-ipproċessar jew prinċipji ta' protezzjoni tad-data. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit minn dan ir-Regolament (il-Bord) għandu jkun jista' joħroġ linji gwida f'dak il-kuntest.
(73)
Ir-restrizzjonijiet dwar prinċipji speċifiċi u d-drittijiet ta' informazzjoni, aċċess għal u rettifika jew tħassir ta' data personali, id-dritt għall-portabbiltà tad-data, id-dritt għall-oġġezzjoni, id-deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta' profili, kif ukoll il-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lil suġġett tad-data u ċerti obbligi relatati tal-kontrolluri jistgħu jiġu imposti mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, sa fejn ikun meħtieġ u proporzjonat f'soċjetà demokratika biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà pubblika, inkluża l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem speċjalment b'reazzjoni għal diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni tat-theddidiet għas-sigurtà pubblika, jew ksur ta' etika għal professjonijiet regolati, objettivi importanti oħrajn ta' interessi pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, b'mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, iż-żamma ta' reġistri pubbliċi miżmuma għal raġunijiet ta' interess pubbliku ġenerali, ipproċessar ulterjuri tad-data personali arkivjata sabiex jipprovdi informazzjoni speċifika relatata mal-imġiba politika taħt reġimi preċedenti fi stati totalitarji jew il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħrajn, inklużi l-protezzjoni soċjali, is-saħħa pubblika u finijiet umanitarji. Dawk ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Karta u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.
(74)
Ir-responsabbiltà tal-kontrollur għal kwalunkwe pproċessar ta' data personali li jitwettaq mill-kontrollur jew f'isem il-kontrollur għandha tiġi stabbilita. B'mod partikolari, il-kontrollur għandu jkun obbligat jimplimenta miżuri adatti u effettivi u jkun jista' juri l-konformità tal-attivitajiet ta' pproċessar ma' dan ir-Regolament, inkluża l-effettività tal-miżuri. Dawk il-miżuri għandhom jikkunsidraw in-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar u r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi.
(75)
Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, bi probabbiltà u gravità li jvarjaw, jistgħu jirriżultaw mill-ipproċessar ta' data personali li tista' twassal għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali, b'mod partikolari fejn l-ipproċessar jista' jagħti lok għal diskriminazzjoni, serq ta' identità jew frodi, telf finanzjarju, dannu għar-reputazzjoni, telf ta' kunfidenzjalità ta' data personali protetta mis-segretezza professjonali, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali sinifikanti ieħor; jew fejn is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew impediti milli jeżerċitaw kontroll fuq id-data personali tagħhom; fejn tiġi pproċessata data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta' data ġenetika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali jew kundanni kriminali u reati jew miżuri ta' sigurtà relatati; fejn l-aspetti personali jiġu evalwati, b'mod partikolari l-analiżi jew it-tbassir ta' aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi jew l-interessi personali, l-affidabbiltà jew l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti, sabiex jinħolqu jew jintużaw profili personali; fejn tiġi proċessata data personali ta' persuni fiżiċi vulnerabbli, b'mod partikolari ta' tfal; jew fejn l-ipproċessar jinvolvi ammont kbir ta' data personali u jaffettwa numru kbir ta' suġġetti tad-data.
(76)
Il-probabbiltà u l-gravità tar-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandhom jiġu ddeterminati b'referenza għan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data. Ir-riskju għandu jiġi evalwat abbażi ta' valutazzjoni oġġettiva, li permezz tagħha jiġi stabbilit jekk l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data jinvolvux riskju jew riskju għoli.
(77)
Il-gwida dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa u dwar kif tintwera l-konformità mill-kontrollur jew il-proċessur, speċjalment fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-riskju relatat mal-ipproċessar, il-valutazzjoni tagħhom f'termini ta' oriġini, natura, probabbiltà u gravità, u l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki biex jittaffa r-riskju, tista' tingħata, b'mod partikolari, permezz ta' kodiċijiet approvati tal-kondotta, ċertifikazzjonijiet approvati, linji gwida tal-Bord jew indikazzjonijiet mogħtija minn uffiċjal għall-protezzjoni tad-data. Il-Bord jista' wkoll joħroġ linji gwida dwar operazzjonijiet ta' pproċessar li huma kkunsidrati bħala li probabbli ma jirriżultawx f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi u jindikaw liema miżuri jistgħu jkunu biżżejjed f'dawn il-każijiet biex jindirizzaw tali riskju.
(78)
Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali titlob li jittieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tar-Regolament jiġu sodisfatti. Sabiex ikun jista' juri konformità ma' dan ir-Regolament, il-kontrollur għandu jadotta politiki interni u jimplimenta miżuri, li b'mod partikolari jissodisfaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku. Tali miżuri jistgħu jikkonsistu fost l-oħrajn fil-minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali, il-psewdonimizzazzjoni tad-data personali malajr kemm jista' jkun, it-trasparenza fir-rigward tal-funzjonijiet u l-ipproċessar ta' data personali, li jippermetti li s-suġġett tad-data jissorvelja l-ipproċessar tad-data, li jippermetti lill-kontrollur biex joħloq u jtejjeb il-karatteristiċi tas-sigurtà. Meta jiżviluppaw, ifasslu, jagħżlu u jużaw applikazzjonijiet, servizzi u prodotti li huma bbażati fuq l-ipproċessar tad-data personali jew li jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompitu tagħhom, il-produtturi tal-prodotti, tas-servizzi u tal-applikazzjonijiet għandhom ikunu mħeġġa jikkunsidraw id-dritt għall-protezzjoni tad-data meta jiżviluppaw u jfasslu tali prodotti, servizzi u applikazzjonijiet u, filwaqt li jqisu l-ogħla livell, biex ikun żgurat li l-kontrolluri u l-proċessuri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-protezzjoni tad-data.Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u awtomatikament għandhom jitqiesu wkoll fil-kuntest ta' offerti pubbliċi.
(79)
Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data kif ukoll ir-responsabbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri, ukoll fir-rigward tal-monitoraġġ mill-awtoritajiet superviżorji u l-miżuri tagħhom, tirrikjedi allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet skont dan ir-Regolament, inkluż fejn kontrollur jistabbilixxi l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar flimkien ma' kontrolluri oħra jew fejn issir attività ta' pproċessar f'isem kontrollur.
(80)
Fejn kontrollur jew proċessur li ma jkunx stabbilit fl-Unjoni jkun qed jipproċessa data personali ta' suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni li l-attivitajiet ta' pproċessar tagħhom huma relatati mal-offerta ta' prodotti jew servizzi, irrispettivament minn jekk hux meħtieġ ħlas mis-suġġett tad-data, lil dawn is-suġġetti tad-data fl-Unjoni, jew il-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom sakemm l-imġiba tagħhom isseħħ fl-Unjoni, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jaħtar rappreżentant, ħlief jekk l-ipproċessar ikun okkażjonali, ma jinkludix l-ipproċessar, fuq skala kbira, ta' kategoriji speċjali ta' data personali jew l-ipproċessar ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, u mhux probabbli li jirriżulta f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, b'kont meħud tan-natura, il-kuntest, l-ambitu u l-għanijiet tal-ipproċessar jew jekk il-kontrollur hux awtorità jew korp pubbliku. Ir-rappreżentant għandu jaġixxi f'isem il-kontrollur jew il-proċessur u jista' jiġi indirizzat minn kwalunkwe awtorità superviżorja. Ir-rappreżentant għandu jinħatar espliċitament b'mandat bil-miktub tal-kontrollur jew tal-proċessur biex jaġixxi f'ismu fir-rigward tal-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament. Il-ħatra ta' tali rappreżentant ma taffettwax ir-responsabbiltà tal-kontrollur jew tal-proċessur skont dan ir-Regolament. Tali rappreżentant għandu jwettaq il-kompiti tiegħu skont il-mandat li rċieva mill-kontrollur jew mill-proċessur, inkluż li jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kompetenti fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament. Ir-rappreżentant maħtur għandu jkun soġġett għal proċedimenti ta' infurzar fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mill-kontrollur jew mill-proċessur.
(81)
Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-ipproċessar li għandu jitwettaq mill-proċessur f'isem il-kontrollur, meta jafda proċessur bl-attivitajiet tal-ipproċessar, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jipprovdu garanziji suffiċjenti, b'mod partikolari f'termini ta' għarfien espert, affidabbiltà u riżorsi, għall-implimentazzjoni ta' miżuri tekniċi u ta' organizzazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, inkluż għas-sigurtà tal-ipproċessar. Il-konformità tal-proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat tista' tintuża bħala element li bih tintwera l-konformità mal-obbligi tal-kontrollur. It-twettiq tal-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur mal-kontrollur, li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-finijiet tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data, filwaqt li jitqiesu l-kompiti u r-responsabbiltajiet speċifiċi tal-proċessur fil-kuntest tal-ipproċessar li għandu jitwettaq u r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Il-kontrollur u l-proċessur jistgħu jagħżlu li jużaw kuntratt individwali jew klawżoli kuntrattwali standard li jiġu adottati jew b'mod dirett mill-Kummissjoni jew minn awtorità superviżorja f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza u wara adottati mill-Kummissjoni. Wara t-tlestija tal-ipproċessar f'isem il-kontrollur, il-proċessur għandu, fuq għażla tal-kontrollur, jirritorna jew iħassar id-data personali, sakemm ma jkunx hemm rekwiżit li tinħażen id-data personali taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-proċessur.
(82)
Sabiex tintwera l-konformità ma' dan ir-Regolament, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jżomm reġistrazzjonijiet tal-attivitajiet ta' pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Kull kontrollur u proċessur għandu jkun obbligat li jikkoopera mal-awtorità superviżorja u jagħmel dawk ir-reġistrazzjonijiet disponibbli, fuq talba, sabiex ikunu jistgħu iservu għas-sorveljanza ta' dawk l-attivitajiet ta' pproċessar.
(83)
Sabiex iżomm is-sigurtà u jipprevjeni l-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jevalwa r-riskji inerenti fl-ipproċessar u jimplimenta miżuri sabiex itaffi dawk ir-riskji, bħall-kriptaġġ. Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw livell adatt ta' sigurtà, inkluża kunfidenzjalità, filwaqt li jikkunsidraw l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni b'rabta mar-riskji u n-natura tad-data personali li għandha tkun protetta. Fil-valutazzjoni tar-riskju tas-sigurtà tad-data, għandha tingħata konsiderazzjoni lir-riskji li huma ppreżentati mill-ipproċessar tad-data personali, bħall-qerda, telf, bidla, żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b'xi mod ieħor, li jkun aċċidentali jew illegali, li jista' b'mod partikolari jwassal għal dannu fiżika, materjali jew mhux materjali.
(84)
Sabiex tissaħħaħ il-konformità ma' dan ir-Regolament fejn l-attivitajiet ta' pproċessar x'aktarx li jippreżentaw livell għoli ta' riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jkun responsabbli għat-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data biex jevalwa, b'mod partikolari, l-oriġini, in-natura, il-partikolarità u l-gravità ta' dak ir-riskju. L-eżitu tal-valutazzjoni għandu jiġi kkunsidrat meta jiġu stabbiliti l-miżuri adatti li għandhom jiġu meħuda biex jintwera li l-ipproċessar tad-data personali hu f'konformità ma' dan ir-Regolament. Fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data tindika li l-operazzjonijiet ta' pproċessar jinvolvu riskju għoli li l-kontrollur ma jkunx jista' jtaffi permezz ta' miżuri xierqa f'termini tat-teknoloġija disponibbli u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni, konsultazzjoni mal-awtorità superviżorja għandha sseħħ qabel l-ipproċessar.
(85)
Il-vjolazzjoni ta' data personali tista', jekk ma tiġix indirizzata b'mod adegwat u fil-ħin, tirriżulta f'dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali lill-persuni fiżiċi bħat-telf ta' kontroll tad-data personali tagħhom jew limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom, diskriminazzjoni, serq tal-identità jew frodi, telf finanzjarju, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, dannu għar-reputazzjoni, telf ta' kunfidenzjalità tad-data personali protetta mis-segretezza professjonali jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali ieħor għall-persuna fiżika kkonċernata. Għalhekk, malli l-kontrollur jinduna li sar ksur ta' data personali, il-kontrollur għandu jinnotifika l-ksur tad-data personali lill-awtorità superviżorja mingħajr dewmien bla bżonn u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun sar jaf bih, sakemm il-kontrollur ma jkunx kapaċi juri, f'konformità mal-prinċipju tar-responsabbiltà, li l-ksur ta' data personali x'aktarx ma jirriżultax f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. Fejn tali notifika ma tkunx tista' tinkiseb fi żmien 72 siegħa, in-notifika għandha tkun akkumpanjata mir-raġunijiet tad-dewmien u tista' tingħata informazzjoni f'fażijiet mingħajr aktar dewmien bla bżonn.
(86)
Il-kontrollur għandu jikkomunika lis-suġġett tad-data ksur ta' data personali, mingħajr dewmien żejjed, meta dak il-ksur tad-data personali x'aktarx jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna fiżika, sabiex tkun tista' tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Il-komunikazzjoni għandha tiddeskrivi n-natura tal-vjolazzjoni tad-data personali kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-persuna fiżika kkonċernata biex jitnaqqsu l-effetti negattivi potenzjali. Tali komunikazzjonijiet lis-suġġetti tad-data għandhom jsiru malajr kemm jista' jkun raġonevolment fattibbli u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità superviżorja, b'mod li jirrispetta l-gwida mogħtija minnha jew minn awtoritajiet rilevanti oħra, bħal awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Pereżempju, il-bżonn li jitnaqqas riskju immedjat ta' dannu jitlob komunikazzjoni immedjata mas-suġġetti tad-data filwaqt li l-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri adatti kontra każijiet kontinwi jew simili ta' vjolazzjoni ta' data personali tista' tiġġustifika żmien itwal għal komunikazzjoni
(87)
Għandu jiġi vverifikat jekk kull protezzjoni teknoloġika xierqa u miżuri organizzattivi ġewx implimentati biex jiġi stabbilit immedjatament jekk seħħitx vjolazzjoni ta' data personali u biex jiġu informati minnufih l-awtorità superviżorja u s-suġġett tad-data. Il-fatt li n-notifika saret mingħajr dewmien żejjed għandu jiġi stabbilit filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari n-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni tad-data personali u l-konsegwenzi u l-effetti negattivi tagħha għas-suġġett tad-data. Notifika bħal din tista' tirriżulta f'intervent mill-awtorità superviżorja f'konformità mal-kompiti u s-setgħat tagħha stabbiliti f'dan ir-Regolament.
(88)
Waqt l-istabbiliment ta' regoli dettaljati dwar il-format u l-proċeduri applikabbli għan-notifika ta' vjolazzjoni ta' data personali, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa liċ-ċirkostanzi ta' dik il-vjolazzjoni, inkluż jekk id-data personali kinitx protetta b'miżuri adatti ta' protezzjoni teknika, li jnaqqsu b'mod effettiv il-possibbiltà ta' frodi tal-identità jew forom oħra ta' użu ħażin. Barra minn hekk, dawn ir-regoli u l-proċeduri għandhom jikkunsidraw l-interessi leġittimi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fejn l-iżvelar bikri jista' jxekkel mingħajr bżonn l-investigazzjoni taċ-ċirkostanzi ta' vjolazzjoni ta' data personali.
(89)
Id-Direttiva 95/46/KE pprevediet obbligu ġenerali biex jiġi nnotifikat l-ipproċessar tad-data personali lill-awtoritajiet superviżorji. Filwaqt li dak l-obbligu jipproduċi oneri amministrattivi u finanzjarji, ma kkontribwixxiex fil-każijiet kollha għat-titjib tal-protezzjoni tad-data personali. Tali obbligi ta' notifika ġenerali bla distinzjonijiet għandhom għalhekk jitneħħew, u jiġu sostitwiti minn proċeduri u mekkaniżmi effettivi li jiffokaw minflok fuq dawk it-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li x'aktarx li jirriżultaw f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi minħabba n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tagħhom. Tali tipi ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar jinkludu, b'mod partikolari, dawk li jinvolvu l-użu ta' teknoloġiji ġodda, jew dawk li huma ta' tip ġdid u li fir-rigward tagħhom il-kontrollur għadu ma wettaqx valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data, jew fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data ssir meħtieġa minħabba ż-żmien li għadda mill-ipproċessar inizjali.
(90)
F'tali każijiet, għandha ssir valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data mill-kontrollur qabel l-ipproċessar sabiex jivvaluta l-probabbiltà partikolari u l-gravità tar-riskju għoli, b'kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar u s-sorsi tar-riskju. Dik il-valutazzjoni tal-impatt għandha tinkludi b'mod partikolari l-miżuri, is-salvagwardji u l-mekkaniżmi previsti biex jittaffa dak ir-riskju, tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali u tintwera l-konformità ma' dan ir-Regolament.
(91)
Dan għandu b'mod partikolari japplika għal operazzjonijiet ta' pproċessar fuq skala kbira li huma maħsuba biex jipproċessaw ammont konsiderevoli ta' data personali fil-livell reġjonali, nazzjonali jew supranazzjonali u li jistgħu jaffettwaw għadd kbir ta' suġġetti tad-data u li x'aktarx jirriżultaw f'riskju għoli, pereżempju, minħabba s-sensittività tagħhom, fejn skont l-istat tal-għarfien teknoloġiku miksub tintuża teknoloġija ġdida fuq skala kbira kif ukoll għal operazzjonijiet tal-ipproċessar oħra li jirriżultaw f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b'mod partikolari fejn dawk l-operazzjonijiet jagħmluha aktar diffiċli għas-suġġetti tad-data biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data għandha ssir ukoll fejn id-data personali tiġi pproċessata għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar persuni fiżiċi speċifiċi wara kwalunkwe evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma' persuni fiżiċi bbażata fuq it-tfassil ta' profili bbażati fuq dik id-data jew wara l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali, data bijometrika, jew data dwar kundanni kriminali u reati jew miżuri relatati ta' sigurtà. Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data hija bl-istess mod meħtieġa għall-monitoraġġ ta' żoni aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira, speċjalment meta jintuża apparat elettroniku ottiku jew għal kwalunkwe operazzjonijiet oħra fejn l-awtorità superviżorja kompetenti tqis li x'aktarx l-ipproċessar jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b'mod partikolari minħabba li ma jippermettux lis-suġġetti tad-data jeżerċitaw dritt jew jużaw servizz jew kuntratt, jew minħabba li jsiru b'mod sistematiku fuq skala kbira. L-ipproċessar ta' data personali m'għandux jitqies li huwa fuq skala kbira jekk l-ipproċessar jikkonċerna data personali minn pazjenti jew klijenti minn tabib individwali, professjonist ieħor tal-kura tas-saħħa jew avukat individwali. F'tali każijiet, valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data m'għandhiex tkun obbligatorja.
(92)
Hemm ċirkostanzi li taħthom jista' jkun raġonevoli u ekonomiku li s-suġġett ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data jkun usa' minn proġett wieħed, pereżempju fejn l-awtoritajiet jew il-korpi pubbliċi jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu applikazzjoni jew pjattaforma ta' pproċessar komuni jew fejn diversi kontrolluri jippjanaw li jintroduċu applikazzjoni jew ambjent ta' pproċessar komuni f'settur jew taqsima industrijali jew għal attività orizzontali li tintuża b'mod wiesa'.
(93)
Fil-kuntest tal-adozzjoni tal-liġi ta' Stat Membru li fuqha jkun ibbażat it-twettiq tal-kompiti tal-awtorità pubblika jew tal-korp pubbliku u li tirregola l-operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet ta' pproċessar speċifiċi inkwistjoni, l-Istati Membri jistgħu jqisu neċessarju li jwettqu tali valutazzjoni qabel l-attivitajiet ta' pproċessar.
(94)
Fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data tindika li l-ipproċessar ikun jirriżulta, fin-nuqqas ta' salvagwardji, miżuri ta' sigurtà u mekkaniżmi biex jittaffa r-riskju, f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi u l-kontrollur ikun tal-opinjoni li r-riskju ma jistax jitnaqqas b'mod raġonevoli f'termini tal-mezzi teknoloġiċi u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni, l-awtorità superviżorja għandha tiġi kkonsultata, qabel ma jingħata bidu għall-ipproċessar tal-attivitajiet. Tali riskju għoli x'aktarx li jirriżulta minn ċerti tipi ta' pproċessar u d-dimensjoni u frekwenza ta' pproċessar, li jista' jirriżulta wkoll f'dannu jew interferenza mad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna fiżika. L-awtorità superviżorja għandha twieġeb għat-talba għal konsultazzjoni f'perijodu speċifikat. Madankollu, in-nuqqas ta' reazzjoni tal-awtorità superviżorja f'dak il-perijodu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe intervent tal-awtorità superviżorja f'konformità mal-kompiti u s-setgħat tagħha stipulati f'dan ir-Regolament, inkluża s-setgħa li tipprojbixxi l-operazzjonijiet tal-ipproċessar. Bħala parti minn dak il-proċess ta' konsultazzjoni, l-eżitu ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data mwettqa fir-rigward tal-ipproċessar inkwistjoni jista' jiġi ppreżentat lill-awtorità superviżorja, b'mod partikolari l-miżuri previsti biex jittaffa r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi.
(95)
Il-proċessur għandu jgħin lill-kontrollur, fejn meħtieġ u fuq talba, fl-iżgurar tal-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mit-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u minn konsultazzjoni preċedenti mal-awtorità superviżorja.
(96)
Għandha ssir ukoll konsultazzjoni mal-awtorità superviżorja matul it-tħejjija ta' miżura leġiżlattiva jew regolatorja li tipprevedi l-ipproċessar ta' data personali, sabiex tiġi żgurata konformità tal-ipproċessar maħsub ma' dan ir-Regolament u b'mod partikolari sabiex jittaffa r-riskju involut għas-suġġett tad-data.
(97)
Fejn l-ipproċessar jitwettaq minn awtorità pubblika, minbarra l-qrati jew l-awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti meta jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, fejn, fis-settur privat, l-ipproċessar jitwettaq minn kontrollur li l-attivitajiet prinċipali tiegħu jikkonsistu minn operazzjonijiet ta' pproċessar li jeħtieġu monitoraġġ regolari u sistematiku tas-suġġetti tad-data fuq skala kbira, jew fejn l-attivitajiet ewlenin tal-kontrollur jew tal-proċessur jikkonsistu fl-ipproċessar ta' skala kbira ta' kategoriji speċjali ta' data personali u data relatata ma' kundanni kriminali u reati, persuna b'għarfien espert tal-liġi u l-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data għandha tgħin lill-kontrollur jew lill-proċessur jissorvelja l-konformità interna ma' dan ir-Regolament. Fis-settur privat, l-attivitajiet prinċipali ta' kontrollur għandhom rabta mal-attivitajiet primarji tiegħu u m'għandhomx rabta mal-ipproċessar ta' data personali bħala attivitajiet anċillari. Il-livell meħtieġ ta' għarfien espert għandu jkun stabbilit b'mod partikolari skont l-operazzjonijiet ta' pproċessar tad-data li jsiru u l-protezzjoni meħtieġa għad-data personali pproċessata mill-kontrollur jew mill-proċessur. Tali uffiċjali tal-protezzjoni tad-data, kemm jekk ikunu impjegati tal-kontrollur kif ukoll jekk ma jkunux, għandhom ikunu f'pożizzjoni li jwettqu d-dmirijiet u l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti.
(98)
L-assoċjazzjonijiet jew korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta' kontrolluri jew proċessuri għandhom ikunu mħeġġa jfasslu kodiċijiet ta' kondotta, fil-limiti ta' dan ir-Regolament, sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament, filwaqt li jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-ipproċessar li jsir f'ċerti setturi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta' daqs medju. B'mod partikolari, tali kodiċijiet ta' kondotta jistgħu jikkalibraw l-obbligi tal-kontrolluri u l-proċessuri, b'kont meħud tar-riskju li x'aktarx jirriżulta mill-ipproċessar għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi.
(99)
Meta jfasslu kodiċi ta' kondotta, jew meta jemendaw jew jestendu tali kodiċi, l-assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta' kontrolluri jew proċessuri għandhom jikkonsultaw mal-partijiet interessati rilevanti, inklużi s-suġġetti tad-data fejn fattibbli, u jikkunsidraw is-sottomissjonijiet li jkunu rċevew u l-fehmiet espressi b'rispons għal dawn il-konsultazzjonijiet.
(100)
Sabiex jitjiebu t-trasparenza u l-konformità ma' dan ir-Regolament, għandu jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data, sabiex jippermettu lis-suġġetti tad-data li jivvalutaw rapidament il-livell ta' protezzjoni tad-data ta' prodotti u servizzi rilevanti.
(101)
Il-flussi ta' data personali lejn pajjiżi barra mill-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali u viċe versa huma meħtieġa għall-espansjoni tal-kummerċ internazzjonali u l-kooperazzjoni internazzjonali. Iż-żieda f'tali flussi qajmet sfidi u tħassib ġodda fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, meta d-data personali tkun trasferita mill-Unjoni lil kontrolluri, proċessuri jew destinatarji oħra f'pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali, il-livell ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi żġurata fl-Unjoni minn dan ir-Regolament m'għandux jiddgħajjef, inkluż f'każijiet ta' trasferimenti ulterjuri ta' data personali mill-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali lil kontrolluri, proċessuri fl-istess pajjiż terz jew ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra. Fi kwalunkwe każ, it-trasferimenti għal pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jsiru biss f'konformità sħiħa ma' dan ir-Regolament. Trasferiment jista' jseħħ biss jekk, soġġett għal dispożizzjonijiet oħrajn ta' dan ir-Regolament, il-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mal-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament relatati mat-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
(102)
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li jirregolaw it-trasferiment ta' data personali inklużi s-salvagwardji adatti għas-suġġetti tad-data. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet internazzjonali li jinvolvu t-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, sa fejn dawn il-ftehimiet ma jaffettwawx dan ir-Regolament jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-liġi tal-UE u jinkludu livell adatt ta' protezzjoni għad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data.
(103)
Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi b'effett għall-Unjoni kollha li pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, joffru livell adegwat ta' protezzjoni tad-data, u b'hekk jipprovdu ċertezza legali u uniformità madwar l-Unjoni fir-rigward tal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali li huma kkunsidrati li jipprovdu dan il-livell ta' protezzjoni. F'tali każijiet, it-trasferimenti ta' data personali lejn dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jistgħu jsiru mingħajr il-ħtieġa li tinkiseb kwalunkwe awtorizzazzjoni oħra. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi wkoll, meta tkun tat notifika u ġustifikazzjoni sħiħa li tagħti r-raġunijiet lill-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, li tirrevoka tali deċiżjoni.
(104)
F'konformità mal-valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha tal-pajjiż terz jew ta' territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, għandha tikkunsidra kif pajjiż terz partikolari jirrispetta l-istat tad-dritt, l-aċċess għall-ġustizzja kif ukoll ir-regoli u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi ġenerali u settorjali tagħha, inkluż leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà nazzjonali kif ukoll l-ordni pubbliku u l-liġi kriminali. L-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' adegwatezza fir-rigward ta' territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz għandha tieħu kont ta' kriterji ċari u oġġettivi, bħall-attivitajiet ta' pproċessar speċifiċi u l-kamp ta' applikazzjoni tal-istandards legali applikabbli u l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż terz. Il-pajjiż terz għandu joffri garanziji li jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak żgurat fl-Unjoni, b'mod partikolari fejn id-data personali tkun ipproċessata f'settur speċifiku wieħed jew aktar. B'mod partikolari, il-pajjiż terz għandu jiżgura superviżjoni effettiva u indipendenti tal-protezzjoni tad-data u għandu jipprevedi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-protezzjoni tad-data, u s-suġġetti tad-data għandhom jingħataw drittijiet effettivi u infurzabbli u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv.
(105)
Minbarra l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-obbligi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz jew tal-organizzazzjoni internazzjonali f'sistemi multilaterali jew reġjonali b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' dawn l-obbligi. B'mod partikolari, għandu jittieħed kont tal-adeżjoni ta' pajjiż terz għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali u l-Protokoll Addizzjonali tagħha. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Bord meta tivvaluta l-livell ta' protezzjoni f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
(106)
Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-funzjonament ta' deċiżjonijiet fil-livell tal-protezzjoni f'pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, u tissorvelja l-funzjonament ta' deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) jew l-Artikolu 26 (4) tad-Direttiva 95/46/KE. Fid-deċiżjonijiet ta' adegwatezza tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprovdi mekkaniżmu ta' rieżami perjodiku tal-funzjonament tagħhom. Dak ir-rieżami perjodiku għandu jitwettaq b'konsultazzjoni mal-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni u jieħu kont tal-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali. Għall-iskopijiet ta' monitoraġġ u twettiq tar-rieżamijiet perjodiċi, il-Kummissjoni għandha tqis il-fehmiet u l-konklużjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll ta' korpi rilevanti u sorsi oħra. Il-Kummissjoni għandha tevalwa, fi żmien raġonevoli, il-funzjonament ta' dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar u tirrapporta kwalunkwe konklużjoni rilevanti lill-Kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill12 kif stabbilit taħt dan ir-Regolament, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(107)
Il-Kummissjoni tista' tirrikonoxxi li pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ma jibqgħux jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni tad-data. Konsegwentement, it-trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jkun ipprojbit, dment li r-rekwiżiti f'dan ir-Regolament relatati ma' trasferimenti suġġetti għal garanziji adegwati, inklużi regoli korporattivi vinkolanti, u derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi ma jiġux sodisfatti. F'dak il-każ, għandhom ikunu previsti konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u tali pajjiżi terzi jew tali organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tinforma fil-ħin lill-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali bir-raġunijiet u tidħol f'konsultazzjonijiet miegħu/magħha sabiex tirrimedja għas-sitwazzjoni.
(108)
Fin-nuqqas ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu miżuri sabiex jikkumpensa għan-nuqqas ta' protezzjoni tad-data f'pajjiż terz permezz ta' salvagwardji adatti għas-suġġett tad-data. Tali salvagwardji adatti jistgħu jikkonsistu mill-użu ta' regoli korporattivi vinkolanti, klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni, klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data adottati minn awtorità superviżorja jew klawżoli kuntrattwali awtorizzati minn awtorità superviżorja. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw konformità mar-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data adatti għall-ipproċessar fl-Unjoni, inkluż id-disponibbiltà tad-drittijiet eżegwibbli tas-suġġett tad-data u tar-rimedji legali effettivi, inkluż id-dritt li jinkiseb rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju effettiv u li jintalab kumpens, fl-Unjoni jew f'pajjiż terz. B'mod partikolari, għandhom jirrigwardaw il-konformità mal-prinċipji ġenerali dwar l-ipproċessar tad-data personali, il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku. Jistgħu jsiru trasferimenti wkoll mill-awtoritajiet jew mill-korpi pubbliċi ma' awtoritajiet jew korpi pubbliċi f'pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali b'doveri jew funzjonijiet korrispondenti, inkluż abbażi ta' dispożizzjonijiet li jiddaħħlu f'arranġamenti amministrattivi, bħal memorandum ta' qbil, u jkunu previsti drittijiet infurzabbli u effettivi għas-suġġetti tad-data. L-awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti għandha tinkiseb meta jkun hemm provvediment għas-salvagwardji f'arranġamenti amministrattivi li ma jkunux legalment vinkolanti.
(109)
Il-possibbiltà għall-kontrollur jew għall-proċessur li juża klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni jew minn awtorità superviżorja la għandha tipprevjeni l-kontrolluri jew il-proċessuri milli jinkludu l-klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data f'kuntratt usa', bħal kuntratt bejn il-proċessur u proċessur ieħor, u lanqas ma għandha tipprevjenihom milli jżidu klawżoli oħrajn jew salvagwardji addizzjonali sakemm ma jikkontradixxux, b'mod dirett jew indirett, il-klawżoli kuntrattwali standard adottati mill-Kummissjoni jew minn awtorità superviżorja jew jippreġudikaw id-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data. Il-kontrolluri u l-proċessuri għandhom jiġu mħeġġa jipprovdu salvagwardji addizzjonali permezz ta' impenji kuntrattwali li jissupplimentaw il-klawżoli ta' protezzjoni standard.
(110)
Grupp ta' ditti, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, għandhom ikunu jistgħu jużaw regoli korporattivi vinkolanti approvati għat-trasferimenti internazzjonali tiegħu mill-Unjoni lejn organizzazzjonijiet fl-istess grupp korporattiv ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, dment li tali regoli korporattivi jinkludu l-prinċipji essenzjali u d-drittijiet eżegwibbli kollha li jiżguraw salvagwardji adatti għat-trasferimenti jew għall-kategoriji ta' trasferimenti ta' data personali.
(111)
Għandha tiġi prevista l-possibbiltà ta' trasferimenti f'ċerti ċirkostanzi fejn is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens espliċitu tiegħu, fejn it-trasferiment ikun okkażjonali u neċessarju fir-rigward ta' kuntratt jew talba legali, irrispettivament minn jekk dan ikunx fi proċedura ġudizzjarja jew fi proċedura amministrattiva jew extraġudizzjarja, inklużi proċeduri quddiem korpi regolatorji. Għandha tkun prevista l-possibbiltà ta' trasferimenti fejn dawn ikunu meħtieġa minn raġunijiet importanti ta' interess pubbliku stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru jew fejn it-trasferiment isir minn reġistru stabbilit bil-liġi u maħsub għall-konsultazzjoni mill-pubbliku jew minn persuni li jkollhom interess leġittimu. F'dan l-aħħar każ dan it-trasferiment ma għandux jinvolvi d-data personali kollha jew kategoriji sħaħ tad-data li tinsab fir-reġistru u, meta r-reġistru huwa maħsub għall-konsultazzjoni mill-pubbliku jew persuni li jkollhom interess leġittimu, it-trasferiment għandu jsir biss fuq it-talba ta' dawk il-persuni jew, jekk sejrin ikunu r-riċevituri, filwaqt illi jitqiesu għalkollox l-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data.
(112)
Dawk id-derogi għandhom japplikaw b'mod partikolari għal trasferimenti ta' data meħtieġa u neċessarji għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku, pereżempju f'każijiet ta' skambju bejn awtoritajiet tal-kompetittività, amministrazzjonijiet tat-taxxa jew tad-dwana, bejn awtoritajiet superviżorji finanzjarji, bejn servizzi kompetenti għal kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali, jew għas-saħħa pubblika, pereżempju fil-każ ta' traċċar ta' kuntatti għal mard li jittieħed jew sabiex jitnaqqas u/jew jiġi eliminat id-doping fl-isport. Trasferiment ta' data personali għandu wkoll jitqies bħala legali fejn ikun meħtieġ għall-protezzjoni ta' interess li hu essenzjali għall-interessi vitali, inkluża l-integrità fiżika jew il-ħajja tas-suġġett tad-data jew ta' persuna oħra, jekk is-suġġett tad-data ma jkunx jista' jagħti l-kunsens. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza, id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru tista', għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku, apposta tistabbilixxi limiti għat-trasferiment ta' kategoriji speċifiċi ta' data lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jagħtu notifika dwar tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Kwalunkwe trasferiment lil organizzazzjoni umanitarja internazzjonali ta' data personali ta' suġġett tad-data li mhuwiex fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti kunsens, bil-ħsieb li jitwettaq kompitu dovut taħt il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra jew li jkun hemm konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli f'kunflitti armati, jista' jitqies bħala neċessarju għal raġuni importanti ta' interess pubbliku jew għaliex ikun fl-interess vitali tas-suġġett tad-data.
(113)
It-trasferimenti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala mhux ripetittivi u li jikkonċernaw biss għadd limitat ta' suġġetti tad-data, jistgħu jkunu possibbli għall-għanijiet tal-interessi leġittimi konvinċenti segwiti mill-kontrollur, meta dawk l-interessi ma jkunux megħluba mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data u meta l-kontrollur ikun ivvaluta ċ-ċirkostanzi kollha madwar it-trasferiment tad-data. Il-kontrollur għandu jagħti konsiderazzjoni partikolari lin-natura tad-data personali, l-għan u t-tul tal-operazzjoni jew tal-operazzjonijiet ta' pproċessar proposti, kif ukoll lis-sitwazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini, il-pajjiż terz u l-pajjiż tad-destinazzjoni finali, u għandu jipprovdi salvagwardji xierqa ppreżentati biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Tali trasferimenti għandhom ikunu possibbli biss f'każijiet residwi fejn l-ebda waħda mir-raġunijiet l-oħra għal trasferiment ma tapplika. Għall-finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew finijiet ta' statistika, għandu jittieħed kont tal-aspettattivi leġittimi tas-soċjetà għal żieda fl-għarfien. Il-kontrollur għandu jinforma lill-awtorità superviżorja u s-suġġett tad-data bit-trasferiment.
(114)
Fi kwalunkwe każ, fejn il-Kummissjoni ma tkun ħadet l-ebda deċiżjoni dwar il-livell adegwat ta' protezzjoni tad-data f'pajjiż terz, il-kontrollur jew il-proċessur għandu juża soluzzjonijiet li jipprovdu lis-suġġetti tad-data bi drittijiet infurzabbli u effettivi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom fl-Unjoni ladarba dik id-data tkun trasferita sabiex jibqgħu jgawdu mid-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji.
(115)
Xi pajjiżi terzi jadottaw liġijiet, regolamenti u atti legali oħrajn li jkunu intenzjonati li jirregolaw direttament l-attivitajiet ta' pproċessar ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri. Dan jista' jinkludi sentenzi ta' qrati jew tribunali jew deċiżjonijiet ta' awtoritajiet amministrattivi f'pajjiżi terzi li jirrikjedu li kontrollur jew proċessur jittrasferixxi jew jiżvela data personali, u li mhumiex ibbażati fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat ta' assistenza legali reċiproka, li jkun fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni jew Stat Membru. L-applikazzjoni extraterritorjali ta' dawk il-liġijiet, regolamenti u atti legali oħrajn tista' tikser id-dritt internazzjonali u tista' xxekkel il-kisba tal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi żgurata fl-Unjoni b'dan ir-Regolament. It-trasferimenti għandhom ikunu permessi biss fejn ikunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għal trasferiment lejn pajjiż terz. Dan jista' jkun il-każ, fost l-oħrajn, fejn l-iżvelar huwa meħtieġ għal raġuni importanti ta' interess pubbliku rikonoxxuta fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur.
(116)
Meta d-data personali tiġi trasferita b'mod transkonfinali barra mill-Unjoni, hija tista' tpoġġi f'riskju akbar il-ħila tal-persuni fiżiċi li jeżerċitaw id-drittijiet ta' protezzjoni tad-data b'mod partikolari sabiex jipproteġu lilhom infushom mill-użu jew l-iżvelar illegali ta' dik l-informazzjoni. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jsibu li ma jistgħux isegwu l-ilmenti jew iwettqu investigazzjonijiet relatati mal-attivitajiet barra l-fruntieri tagħhom. L-isforzi tagħhom sabiex jaħdmu flimkien fil-kuntest transkonfinali jistgħu jkunu mxekkla wkoll minn nuqqas ta' setgħat preventivi jew ta' rimedju, sistemi legali inkonsistenti, u ostakoli prattiċi bħal restrizzjonijiet ta' riżorsi. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi promossa kooperazzjoni akbar mill-qrib fost l-awtoritajiet superviżorji għall-protezzjoni tad-data sabiex tgħinhom fl-iskambju ta' informazzjoni u fit-twettiq ta' investigazzjonijiet mal-kontropartijiet internazzjonali tagħhom. Għall-għanijiet tal-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi ffaċilitata u pprovduta assistenza reċiproka internazzjonali għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tad-data personali, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw f'attivitajiet relatati mal-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti f'pajjiżi terzi, abbażi tar-reċiproċità u f'konformità ma' dan ir-Regolament.
(117)
L-istabbiliment ta' awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri, bis-setgħa li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'indipendenza sħiħa, huwa komponent essenzjali tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu aktar minn awtorità superviżorja waħda, sabiex jirriflettu l-istruttura kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tagħhom.
(118)
L-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tfisser li l-awtoritajiet superviżorji ma jistgħux ikunu soġġetti għal mekkaniżmi ta' kontroll jew monitoraġġ rigward l-infiq finanzjarju tagħhom jew għal kontroll ġudizzjarju.
(119)
Fejn Stat Membru jistabbilixxi diversi awtoritajiet superviżorji, dan għandu jistabbilixxi bil-liġi, mekkaniżmi sabiex jiżgura l-parteċipazzjoni effettiva ta' dawk l-awtoritajiet superviżorji fil-mekkaniżmu ta' konsistenza. Dak l-Istat Membru għandu b'mod partikolari jaħtar l-awtorità superviżorja li sservi ta' punt ta' kuntatt uniku għall-parteċipazzjoni effettiva ta' dawk l-awtoritajiet fil-mekkaniżmu, sabiex jiżgura kooperazzjoni rapida u bla xkiel ma' awtoritajiet superviżorji oħrajn, mal-Bord.
(120)
Kull awtorità superviżorja għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani, bini u infrastruttura li jkunu meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha, inklużi dawk relatati mal-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet superviżorji oħrajn fl-Unjoni kollha. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha baġit annwali pubbliku separat, li jista' jagħmel parti mill-baġit globali tal-istat jew nazzjonali.
(121)
Il-kondizzjonijiet ġenerali għall-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi f'kull Stat Membru u għandhom b'mod partikolari jipprovdu sabiex dawk il-membri jinħatru, permezz ta' proċedura trasparenti, jew mill-parlament, jew mill-gvern jew mill-Kap tal-Istat tal-Istat Membru abbażi ta' proposta mill-gvern, jew minn membru tal-gvern, jew mill-parlament jew minn kamra tal-parlament, jew minn korp indipendenti inkarigat taħt il-liġi ta' Stat Membru. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtorità superviżorja, il-membru jew il-membri għandhom jaġixxu b'integrità, jibqgħu lura minn kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli ma' dmirijiethom u matul il-mandat tagħhom, ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda xogħol li ma jkunx kompatibbli, sew jekk bi qligħ sew jekk le. L-awtorità superviżorja għandu jkollha l-persunal tagħha stess, magħżul mill-awtorità superviżorja jew korp indipendenti stabbilit bil-liġi ta' Stat Membru, li għandu jkun suġġett għat-tmexxija esklużiva tal-membru jew tal-membri tal-awtorità superviżorja.
(122)
Kull awtorità superviżorja għandu jkollha kompetenza fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess biex teżerċita s-setgħat u twettaq il-kompiti li tingħata f'konformità ma' dan ir-Regolament. Dan għandu jkopri b'mod partikolari l-ipproċessar fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu stess, l-ipproċessar ta' data personali li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu fl-interess pubbliku, l-ipproċessar li jolqot is-suġġetti tad-data fit-territorju tiegħu jew l-ipproċessar li jsir minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni meta dan ikun qed jimmira lejn suġġetti tad-data li jgħixu fit-territorju tiegħu. Dan għandu jinkludi t-trattament ta' ilmenti mressqa minn suġġett tad-data, it-twettiq ta' investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-promozzjoni tal-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali.
(123)
L-awtoritajiet superviżorji għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet skont dan ir-Regolament u jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tiegħu madwar l-Unjoni, sabiex jipproteġu lill-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni libera ta' data personali fis-suq intern. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ l-ebda ftehim bejn l-Istati Membri rigward l-għoti ta' assistenza reċiproka jew dwar din il-kooperazzjoni.
(124)
Fejn l-ipproċessar ta' data personali jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni u l-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'iktar minn Stat Membru wieħed, jew fejn l-ipproċessar isir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment uniku ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni, u dan jaffettwa b'mod sostanzjali lil suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew x'aktarx li ser jaffettwawhom b'mod sostanzjali, l-awtorità superviżorja għall-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew il-proċessur jew għall-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha taġixxi bħala awtorità ewlenija. Hija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet l-oħrajn ikkonċernati, peress li l-kontrollur jew proċessur ikollu stabbiliment fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom, peress li s-suġġetti tad-data jkunu residenti fit-territorju tagħhom ikunu affettwati b'mod sostanzjali, jew peress li jkun sar ilment lilhom. Anke fejn isuġġett tad-data li ma jkunx residenti f'dak l-Istat Membru ikun ressaq ilment, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq dan l-ilment għandha wkoll tkun awtorità superviżorja kkonċernata. Fl-ambitu tal-kompiti tiegħu li joħroġ linji gwida dwar kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Bord għandu jkun jista' joħroġ linji gwida b'mod partikolari dwar il-kriterji li għandhom jitqiesu sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar inkwistjoni jaffettwax b'mod sostanzjali lil suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed u dwar x'jikkostitwixxi oġġezzjoni rilevanti u motivata.
(125)
L-awtorità ewlenija għandu jkollha l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti dwar miżuri li japplikaw is-setgħat mogħtija lilha f'konformità ma' dan ir-Regolament. Fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ewlenija, l-awtorità superviżorja għandha tinvolvi l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati mill-qrib u tikkoordinahom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fejn id-deċiżjoni tkun li l-ilment tas-suġġett tad-data jinċaħad kompletament jew parzjalment, dik id-deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment.
(126)
Id-deċiżjoni għandha tiġi maqbula b'mod konġunt mill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u għandha tiġi diretta lejn l-istabbiliment ewlieni jew uniku tal-kontrollur jew il-proċessur u għandha torbot lill-kontrollur u lill-proċessur. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi nnotifikata mill-awtorità superviżorja ewlenija lill-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar fl-Unjoni.
(127)
Kull awtorità superviżorja li ma tkunx qed taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun kompetenti li tittratta każijiet lokali fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'aktar minn Stat Membru wieħed, iżda s-suġġett tal-ipproċessar speċifiku jikkonċerna biss l-ipproċessar li jsir fi Stat Membru uniku u jinvolvi biss is-suġġetti tad-data f'dak l-Istat Membru uniku, pereżempju, fejn is-suġġett jikkonċerna l-ipproċessar ta' data personali tal-impjegati fil-kuntest speċifiku tal-impjiegi ta' Stat Membru partikolari. F'tali każijiet, l-awtorità superviżorja għandha tgħarraf lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar il-kwistjoni. Wara li tiġi infurmata, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ skont id-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u awtoritajiet superviżorja oħra kkonċernati (il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz), jew jekk l-awtorità superviżorja li infurmatha għandhiex tittratta l-każ fil-livell lokali. Meta tkun qed tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis jekk hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li informatha sabiex tiżgura l-infurzar effettiv ta' deċiżjoni vis-à-vis il-kontrollur jew il-proċessur. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmatha għandu jkollha l-possibbiltà li tippreżenta abbozz għal deċiżjoni, li l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis bl-akbar reqqa meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha f'dak il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz.
(128)
Ir-regoli dwar l-awtorità superviżorja ewlenija u l-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz ma għandhomx japplikaw fejn l-ipproċessar isir minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati fl-interess pubbliku. F'dawn il-każijiet, l-unika awtorità superviżorja li jkollha l-kompetenza biex teżerċita s-setgħat li tingħata f'konformità ma' dan ir-Regolament għandha tkun l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità pubblika jew il-korp privat.
(129)
Sabiex jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar konsistenti ta' dan ir-Regolament kullimkien fl-Unjoni, f'kull wieħed mill-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom l-istess kompiti u setgħat effettivi, inklużi setgħat investigattivi, setgħat korrettivi u sanzjonijiet, u setgħat ta' awtorizzazzjoni u konsultattivi, b'mod partikolari f'każijiet ta' ilmenti minn persuni fiżiċi, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Istat Membru, biex iressqu l-ksur ta' dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u jidħlu fi proċedimenti legali. Dawn is-setgħat għandhom jinkludu wkoll is-setgħa li tiġi imposta limitazzjoni temporanja jew definittiva, inkluża projbizzjoni, fuq l-ipproċessar. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw kompiti oħra relatati mal-protezzjoni ta' data personali skont dan ir-Regolament. Is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġu eżerċitati f'konformità ma' salvagwardji proċedurali xierqa stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġijiet tal-Istati Membri, b'mod imparzjali, ġust u fil-mument opportun. B'mod partikolari, kull miżura għandha tkun xierqa, meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, ir-rispett tad-dritt ta' kull persuna li tinstema' qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha ħażin u biex jiġu evitati spejjeż żejda u inkonvenjenzi eċċessivi għall-persuni kkonċernati. Is-setgħat investigattivi rigward l-aċċess għall-bini għandhom jitħaddmu f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi fil-liġi proċedurali tal-Istat Membru, bħalma huwa r-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Kull miżura legalment vinkolanti tal-awtorità superviżorja għandha tkun bil-miktub, ċara u mhux ambigwa, għandha tindika l-awtorità superviżorja li tkun ħarġet l-miżura, id-data tal-ħruġ tal-miżura, għandha tkun iffirmata mill-kap, jew membru tal-awtorità superviżorja awtorizzata minnu jew minnha, għandha tagħti r-raġunijiet għall-miżura, u tirreferi għad-dritt għal rimedju effettiv. Dan ma għandux jipprekludi rekwiżiti addizzjonali skont il-liġi proċedurali tal-Istat Membru. L-adozzjoni ta' deċiżjoni legalment vinkolanti timplika li din tista' tagħti lok għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li adottat id-deċiżjoni.
(130)
Fejn l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mill-qrib mal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment skont id-dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni u konsistenza, stipulati f'dan ir-Regolament. F'dawn il-każijiet, meta l-awtorità superviżorja ewlenija tieħu miżuri maħsubin biex jipproduċu effetti legali, inkluż l-impożizzjoni ta' multi amministrattivi, din għandha tikkunsidra bl-aktar mod sħiħ l-opinjoni tal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment u li għandha tibqa' kompetenti biex twettaq kwalunkwe investigazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess f'kuntatt mal-awtorità superviżorja kompetenti.
(131)
Fejn xi awtorità superviżorja oħra għandha taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija għall-attivitajiet ta' pproċessar tal-kontrollur jew il-proċessur iżda s-suġġett konkret ta' lment jew il-possibbiltà ta' ksur jikkonċerna biss l-attivitajiet ta' pproċessar tal-kontrollur jew il-proċessur f'dak l-Istat Membru fejn ikun tressaq l-ilment jew fejn tkun ġiet identifikata l-possibbiltà ta' ksur u l-kwistjoni ma taffettwax b'mod sostanzjali lil suġġetti tad-data fi Stati Membri oħrajn, jew mhux probabbli li taffettwahom b'mod sostanzjali, l-awtorità superviżorja li tirċievi lment jew li tidentifika jew tiġi infurmata b'xi mod ieħor b'sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu ksur possibbli ta' dan ir-Regolament għandha tfittex soluzzjoni bonarja mal-kontrollur u, jekk dan ma jirnexxix, teżerċita l-firxa sħiħa ta' setgħat tagħha. Dan għandu jinkludi pproċessar speċifiku li jsir fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja jew b'rabta mas-suġġetti tad-data fit-territorju ta' dak l-Istat Membru; jew ipproċessar li jsir fil-kuntest ta' offerta ta' oġġetti jew servizzi mmirati speċifikament lejn suġġetti tad-data fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja; jew ipproċessar li jrid jiġi vvalutat b'kont meħud tal-obbligi legali rilevanti skont il-liġi tal-Istat Membru.
(132)
L-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji u indirizzati lill-pubbliku għandhom jinkludu miżuri speċifiċi diretti lejn il-kontrolluri u l-proċessuri, inklużi l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, kif ukoll persuni fiżiċi b'mod partikolari fil-kuntest edukattiv.
(133)
L-awtoritajiet superviżorji għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u jipprovdu assistenza reċiproka, sabiex jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti ta' dan ir-Regolament fis-suq intern. Awtorità superviżorja li titlob assistenza reċiproka tista' tadotta miżura proviżorja jekk ma tirċievi ebda tweġiba għal talba għal assistenza reċiproka fi żmien xahar mir-riċezzjoni ta' dik it-talba mill-awtorità superviżorja l-oħra.
(134)
Kull awtorità superviżorja għandha, fejn ikun xieraq, tipparteċipa f'attivitajiet konġunti ma' awtoritajiet superviżorji oħrajn. L-awtorità superviżorja rikjesta għandha tkun obbligata twieġeb għat-talba f'perijodu ta' żmien speċifikat.
(135)
Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, għandu jkun stabbilit mekkaniżmu ta' konsistenza għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji. Dak il-mekkaniżmu għandu japplika b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja ikollha l-intenzjoni li tadotta miżura maħsuba biex tipproduċi effetti legali fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar li jaffettwaw sostanzjalment għadd sinifikanti ta' suġġetti tad-data f'diversi Stati Membri. Għandu japplika wkoll fejn kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew il-Kummissjoni titlob li tali materja għandha tiġi ttrattata fil-mekkaniżmu ta' konsistenza. Dak il-mekkaniżmu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura li l-Kummissjoni tista' tieħu fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha skont it-Trattati.
(136)
Fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' konsistenza, il-Bord għandu joħroġ opinjoni, f'perijodu ta' żmien stabbilit, jekk dan jiġi deċiż mill-maġġoranza tal-membri tiegħu jew jekk jintalab jagħmel dan minn kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew mill-Kummissjoni. Il-Bord għandu jkollu wkoll is-setgħa li jadotta deċiżjonijiet legalment vinkolanti fejn ikun hemm tilwim bejn l-awtoritajiet superviżorji. Għal dak il-għan, huwa għandu joħroġ, fil-prinċipju b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, deċiżjonijiet legalment vinkolanti f'każijiet speċifikati b'mod ċar fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti fost l-awtoritajiet superviżorji, b'mod partikolari fil-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati dwar il-merti tal-każ, b'mod partikolari jekk kienx hemm ksur ta' dan ir-Regolament.
(137)
Jista' jkun hemm ħtieġa urġenti ta' azzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b'mod partikolari meta jkun jeżisti l-periklu li l-infurzar ta' dritt ta' suġġett tad-data jista' jiġi mfixkel b'mod konsiderevoli. Għaldaqstant, awtorità superviżorja għandha tkun tista' tadotta miżuri proviżorji debitament ġustifikati fit-territorju tagħha b'perijodu speċifiku ta' validità li m'għandux jaqbeż tliet xhur.
(138)
L-applikazzjoni ta' tali mekkaniżmu għandha tkun kondizzjoni għal-legalità ta' miżura maħsuba biex tipproduċi effetti legali minn awtorità superviżorja f'dawk il-każijiet fejn l-applikazzjoni tiegħu tkun obbligatorja. F'każijiet oħra ta' rilevanza transkonfinali, għandu jiġi applikat il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jista' jkun hemm assistenza reċiproka u attivitajiet konġunti fuq bażi bilaterali jew multilaterali mingħajr ma jiġi attivat il-mekkaniżmu ta' konsistenza.
(139)
Sabiex jippromwovi l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament, il-Bord għandu jkun stabbilit bħala korp indipendenti tal-Unjoni. Biex jilħaq l-objettivi tiegħu, il-Bord għandu jkollu personalità ġuridika. Il-Bord għandu jkun rappreżentat mill-President tiegħu. Għandu jieħu post il-Grupp ta' Ħidma għall-Protezzjoni ta' Individwi fl-Ipproċessar ta' Data Personali stabbilit bid-Direttiva 95/46/KE. Għandu jkun magħmul mill-kap ta' awtorità superviżorja ta' kull Stat Membru u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Bord mingħajr drittijiet ta' vot u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu drittijiet ta' vot speċifiċi. Il-Bord għandu jikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, inkluż billi jagħti pariri lill-Kummissjoni, b'mod partikolari dwar il-livell ta' protezzjoni f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u jippromwovi l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji madwar l-Unjoni. Il-Bord għandu jaġixxi b'mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu.
(140)
Il-Bord għandu jkollu l-għajnuna ta' segretarjat ipprovdut mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Il-persunal tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data involut fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Bord b'dan ir-Regolament għandu jwettaq il-kompiti tiegħu esklużivament taħt l-istruzzjonijiet ta', u jirrapporta lill-President tal-Bord.
(141)
Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, b'mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, u jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv f'konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta jekk is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament jew fejn l-awtorità superviżorja ma tiħux azzjoni b'rabta ma' ilment, tirrifjuta jew tiċħad l-ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni fejn tali azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. L-investigazzjoni li ssegwi l-ilment għandha titwettaq, soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju, dment li tkun adatta fil-każ speċifiku. L-awtorità superviżorja għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Jekk il-każ ikun jeħtieġ aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra, is-suġġett tad-data għandu jingħata informazzjoni intermedjarja. Bil-għan li tiffaċilita s-sottomissjoni ta' ilmenti, kull awtorità superviżorja għandha tieħu miżuri bħall-forniment ta' formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħrajn ta' komunikazzjoni.
(142)
Fejn is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament, hu għandu jkollu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li jkunu kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru, ikollhom objettivi statutorji li jkunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali biex iressqu ilment f'ismu quddiem awtorità superviżorja, jeżerċitaw id-dritt għal rimedju ġudizzjarju f'isem suġġetti tad-data jew jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens f'isem suġġetti tad-data jekk dan tal-aħħar ikun previst fil-liġi tal-Istat Membru. Stat Membru jista' jipprovdi li tali korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni jkollhom id-dritt li jressqu ilment f'dak l-Istat Membru, indipendentement mill-mandat ta' suġġett tad-data, u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn ikollhom raġunijiet biex iqisu li kien hemm ksur tad-drittijiet tas-suġġett tad-data bħala riżultat tal-ipproċessar ta' data personali li jikser dan ir-Regolament. Dak il-korp, dik l-organizzazzjoni jew dik l-assoċjazzjoni ma jistgħux jingħataw is-setgħa li jitolbu kumpens f'isem is-suġġett tad-data b'mod indipendenti mill-mandat tas-suġġetti tad-data.
(143)
Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt tagħmel rikors għall-annullament ta' deċiżjonijiet tal-Bord quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 263 tat-TFUE. Bħala destinatarji ta' tali deċiżjonijiet, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati li jixtiequ jikkontestawhom, iridu jagħmlu rikors fi żmien xahrejn minn meta jiġu avżati dwarhom, skont l- Artikolu 263 tat-TFUE. Fejn id-deċiżjonijiet tal-Bord huma ta' interess dirett u individwali għal kontrollur, proċessur jew min jagħmel l-ilment, dan tal-aħħar jista' jagħmel rikors għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit tal-internet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont l-Artikolu 263 tat-TFUE. Mingħajr preġudizzju għal dan id-dritt skont l-Artikolu 263 tat-TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra deċiżjoni ta' awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta' dik il-persuna. Tali deċiżjoni tikkonċerna b'mod partikolari t-tħaddim ta' setgħat investigattivi, korrettivi u ta' awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja jew iċ-ċaħda jew ir-rifjut ta' ilmenti. Madankollu, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ma jinkludix miżuri meħudin minn awtoritajiet superviżorji li mhumiex legalment vinkolanti, bħal opinjonijiet maħruġa jew pariri pprovduti mill-awtorità superviżorja. Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja u għandhom jitwettqu skont il-liġi proċedurali ta' dak l-Istat Membru. Dawk il-qrati għandhom iħaddmu l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha tinkludi ġurisdizzjoni biex jiġu eżaminati l-kwistjonijiet kollha ta' fatt u ta' liġi rilevanti għat-tilwim li jitressaq quddiemhom.
Fejn ilment ikun ġie miċħud jew irrifjutat minn awtorità superviżorja, min jagħmel l-ilment jista' jibda proċedimenti quddiem il-qrati fl-istess Stat Membru. Fil-kuntest ta' rimedji ġudizzjarji li għandhom x'jaqsmu mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-qrati nazzjonali li jqisu li tinħtieġ deċiżjoni dwar il-kwistjoni biex ikunu jistgħu jagħtu sentenza, jistgħu, jew fil-każ previst fl-Artikolu 267 tat-TFUE, iridu, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni inkluż dan ir-Regolament. Barra minn hekk, fejn deċiżjoni ta' awtorità superviżjorja li timplimenta deċiżjoni tal-Bord tiġi kkontestata quddiem qorti nazzjonali u l-validità tad-deċiżjoni tal-Bord tkun inkwistjoni, dik il-qorti nazzjonali ma għandhiex is-setgħa li tiddikjara d-deċiżjoni tal-Bord bħala invalida iżda trid tirreferi l-kwistjoni tal-validità lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 tat-TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn tqis id-deċiżjoni invalida. Madankollu, qorti nazzjonali ma tistax tirreferi kwistjoni dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Bord fuq it-talba ta' persuna fiżika jew ġuridika li kellha l-opportunità li tagħmel rikors għal annullament ta' dik id-deċiżjoni, b'mod partikolari jekk kienet direttament u individwalment ikkonċernata minn dik id-deċiżjoni, iżda ma kinitx għamlet dan fil-perjodu stipulat fl-Artikolu 263 tat-TFUE.
(144)
Fejn qorti li quddiemha jibdew proċedimenti kontra deċiżjoni minn awtorità superviżorja jkollha raġuni biex temmen li tressqu proċedimenti li jikkonċernaw l-istess proċessar, bħall-istess suġġett fir-rigward tal-ipproċessar mill-istess kontrollur jew proċessur, jew bl-istess kawża, quddiem qorti kompetenti fi Stat Membru ieħor, hija għandha tikkuntattja lil dik il-qorti sabiex tikkonferma l-eżistenza ta' tali proċedimenti relatati. Jekk ikun hemm proċedimenti relatati pendenti quddiem qorti fi Stat Membru ieħor, kwalunkwe qorti minbarra l-ewwel qorti li tiġi invokata tista' tissospendi l-proċedimenti li jkollha quddiemha jew tista', fuq talba minn waħda mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni favur l-ewwel qorti li tiġi invokata jekk dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni fuq il-proċedimenti inkwistjoni u l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni ta' tali proċedimenti relatati. Il-proċedimenti jitqiesu li jkunu relatati fejn ikunu marbutin daqstant mill-qrib li jkun ta' vantaġġ li jinstemgħu u jiġu ddeterminati flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.
(145)
Għal proċedimenti kontra kontrollur jew proċessur, ir-rikorrent għandu jkollu l-għażla li jagħmel rikors fil-qrati tal-Istati Membri fejn il-kontrollur jew il-proċessur għandu stabbiliment jew fejn jgħix is-suġġett tad-data, dment li l-kontrollur ma jkunx awtorità pubblika ta' Stat Membru li qiegħda taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha.
(146)
Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jikkumpensa għal kwalunkwe dannu li tista' ssofri persuna b'riżultat ta' pproċessar li jikser dan ir-Regolament. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk iġib provi li huwa mhuwiex responsabbli bl-ebda mod għad-dannu. Il-kunċett ta' dannu għandu jiġi interpretat b'mod wiesa' fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b'mod li jissodisfa b'mod sħiħ l-objettivi ta' dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe talba għal kumpens għal danni li tirriżulta minn ksur ta' regoli oħra fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. L-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament jinkludi wkoll l-ipproċessar li ma jkunx f'konformità mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati f'konformità ma' dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru li jispeċifikaw ir-regoli ta' dan ir-Regolament. Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu. Fejn il-kontrolluri jew il-proċessuri jiġu involuti fl-istess ipproċessar, kull kontrollur jew proċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kollu. Madankollu, fejn ikunu magħquda fl-istess proċedimenti ġudizzjarji, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, il-kumpens jista' jitqassam skont ir-responsabbiltà ta' kull kontrollur jew proċessur għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar, dment li jiġi żgurat il-kumpens sħiħ u effettiv tas-suġġett tad-data li ġarrab id-dannu. Kwalunkwe kontrollur jew proċessur li jkun ħallas kumpens sħiħ sussegwentement jista' jibda proċedimenti ta' rikors kontra kontrolluri jew proċessuri oħra involuti fl-istess ipproċessar.
(147)
Fejn, f'dan ir-Regolament, ikun hemm regoli speċifiċi dwar il-ġurisdizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' proċedimenti li jfittxu rimedju ġudizzjarju inkluż kumpens, kontra kontrollur jew proċessur, ir-regoli ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni bħal dawk tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill13 m'għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni ta' tali regoli speċifiċi.
(148)
Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu imposti pieni inklużi multi amministrattivi għal kwalunkwe ksur ta' dan ir-Regolament, flimkien mal-miżuri adatti imposti mill-awtorità superviżorja skont dan ir-Regolament jew minflokhom. F'każ ta' ksur minuri jew jekk il-multa li x'aktarx li tiġi imposta tikkostitwixxi piż sproporzjonat għal persuna fiżika, tista' tinħareġ twissija minflok multa. Madankollu, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għan-natura, is-serjetà u d-dewmien tal-ksur, il-karattru intenzjonali tal-ksur, l-azzjonijiet meħuda biex itaffu d-danni sofruti, il-grad ta' responsabbiltà jew kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti, il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, il-konformità ma' miżuri ordnati kontra l-kontrollur jew il-proċessur, l-aderenza għal kodiċi ta' kondotta u kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor. L-impożizzjoni ta' pieni inklużi multi amministrattivi għandha tkun soġġetta għal salvagwardji proċedurali adatti f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-Karta, inkluż protezzjoni ġudizzjarja effettiva u proċess ġust.
(149)
L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu r-regoli dwar pieni kriminali għal ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż għal ksur ta' regoli nazzjonali adottati skont il-limiti ta' dan ir-Regolament u fi ħdanhom. Dawk il-pieni kriminali jistgħu wkoll jippermettu li jinċaħdu l-profitti miksuba permezz ta' ksur ta' dan ir-Regolament. Madankollu, l-impożizzjoni ta' pieni kriminali għal ksur ta' tali regoli nazzjonali u ta' sanzjonijiet amministrattivi ma għandhiex twassal għal ksur tal-prinċipju ne bis in idem, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.
(150)
Sabiex issaħħaħ u tarmonizza l-pieni amministrattivi għall-ksur ta' dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħa li timponi multi amministrattivi. Dan ir-Regolament għandu jindika l-ksur u l-limitu massimu u l-kriterji biex jiġu stabbiliti l-multi amministrattivi relatati, li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità superviżorja kompetenti f'kull każ individwali, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni speċifika, filwaqt li jittieħed kont dovut b'mod partikolari għan-natura, il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur u tal-konsegwenzi tiegħu u l-miżuri meħudin biex tiġi żgurata konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament u għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tal-ksur. Fejn il-multi amministrattivi jiġu imposti fuq intrapiża, intrapriża għandha tinftiehem bħala intrapriża skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE għal dawk il-finijiet. Fejn jiġu imposti multi amministrattivi fuq persuni li mhumiex intrapiża, l-awtorità superviżorja għandha tieħu kont tal-livell ġenerali tal-introjtu fl-Istat Membru kif ukoll tas-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna meta jiġi kkunsidrat ammont adatt għall-multa. Il-mekkaniżmu ta' konsistenza jista' jintuża wkoll biex jippromwovi applikazzjoni konsistenti tal-multi amministrattivi. Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx ikunu soġġetti għal multi amministrattivi u sa liema punt. L-impożizzjoni ta' multa amministrattiva jew l-għoti ta' twissija ma taffettwax l-applikazzjoni ta' setgħat oħrajn tal-awtoritajiet superviżorji jew ta' pieni oħrajn taħt dan ir-Regolament.
(151)
Is-sistemi legali tad-Danimarka u l-Estonja ma jippermettux multi amministrattivi kif stipulati f'dan ir-Regolament. Ir-regoli dwar il-multi amministrattivi jistgħu jiġu applikati b'tali mod li fid-Danimarka l-multa tkun imposta mill-qrati nazzjonali kompetenti bħala piena kriminali u fl-Estonja l-multa tkun imposta mill-awtorità superviżorja fil-qafas ta' proċedura għal reati minuri, dment li tali applikazzjoni tar-regoli f'dawk l-Istati Membri jkollha l-effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji. Għaldaqstant il-qrati nazzjonali kompetenti għandhom iqisu r-rakkomandazzjoni tal-awtorità superviżorja li tkun qed tibda l-multa. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
(152)
Fejn dan ir-Regolament ma jarmonizzax il-pieni amministrattivi jew fejn neċessarju f'każijiet oħra, pereżempju f'każijiet ta' ksur serju ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw sistema li tipprevedi pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. In-natura ta' dawn il-pieni, kriminali jew amministrattivi, għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istat Membru.
(153)
Il-liġi fl-Istati Membri għandha tirrikonċilja r-regoli li jirregolaw il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, inkluż l-espressjoni ġurnalistika, akkademika, artistika u/jew letterarja mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont dan ir-Regolament. L-ipproċessar tad-data personali għal finijiet ġurnalistiċi biss, jew għal finijiet ta' espressjoni akkademika, artistika jew letterarja għandu jkun soġġett għal derogi jew eżenzjonijiet minn ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jekk meħtieġ biex ikun rikonċiljat id-dritt tal-protezzjoni tad-data personali, mad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta. Dan għandu japplika b'mod partikolari għall-ipproċessar ta' data personali fil-qasam awdjoviżiv u fl-arkivji tal-aħbarijiet u l-libreriji tal-istampa. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi li jistabbilixxu l-eżenzjonijiet u d-derogi meħtieġa għall-fini tal-bilanċ ta' dawk id-drittijiet fundamentali. L-Istati Membri għandhom jadottaw tali eżenzjonijiet u derogi fir-rigward ta' prinċipji ġenerali, id-drittijiet tas-suġġett tad-data, il-kontrollur u l-proċessur, it-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali, l-awtoritajiet superviżorji indipendenti, il-kooperazzjoni u l-konsistenza, u sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar ta' data. Fejn dawn l-eżenzjonijiet jew derogi jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru li l-kontrollur huwa soġġett għaliha. Sabiex jittieħed kont tal-importanza tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni f'kull soċjetà demokratika, huwa neċessarju li jiġu interpretati kunċetti relatati b'mod wiesa' ma' dik il-libertà, bħall-ġurnaliżmu.
(154)
Dan ir-Regolament jippermetti li jittieħed kont tal-prinċipju ta' aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali jista' jitqies bħala interess pubbliku. Id-data personali f'dokumenti miżmuma minn awtorità pubblika jew korp pubbliku għandha tkun tista' tiġi żvelata minn dik l-awtorità jew dan il-korp jekk dan ikun previst mil-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru li tirregola lil dik l-awtorità pubblika jew dak il-korp pubbliku. Tali liġijiet għandhom jirrikonċiljaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali u l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u għalhekk jistgħu jipprevedu r-rikonċiljazzjoni meħtieġa mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont dan ir-Regolament. Ir-referenza għall-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi għandha f'dak il-kuntest tinkludi l-awtoritajiet kollha jew korpi oħra koperti bil-liġi ta' Stat Membru dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti. Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill14 tħalli intatt u bl-ebda mod ma tolqot il-livell ta' protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, u b'mod partikolari ma tibdilx l-obbligi u d-drittijiet stipulati f'dan ir-Regolament. B'mod partikolari, dik id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal dokumenti li għalihom l-aċċess huwa eskluż jew ristrett minħabba r-reġimi ta' aċċess għal raġunijiet ta' protezzjoni tad-data personali, u partijiet ta' dokumenti aċċessibbli permezz ta' dawk ir-reġimi li fihom data personali li l-użu mill-ġdid tagħha ġie previst mil-liġi bħala inkompatibbli mal-liġi rigward il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.
(155)
Il-liġi tal-Istat Membru jew ftehimiet kollettivi, inklużi ftehimiet tax-xogħol, jistgħu jipprevedu regoli speċifiċi dwar l-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati fil-kuntest tax-xogħol, b'mod partikolari għall-kundizzjonijiet li taħthom id-data personali fil-kuntest tal-impjieg tista' tkun ipproċessata fuq il-bażi tal-kunsens tal-impjegat, il-finijiet tar-reklutaġġ, it-twettiq tal-kuntratt tax-xogħol, inkluż it-twettiq tal-obbligi stabbiliti bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, il-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fil-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u għall-għanijiet tal-eżerċizzju u t-tgawdija, fuq bażi individwali jew kollettiva, ta' drittijiet u benefiċċji relatati mal-impjieg, u għall-għan tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg.
(156)
L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data skont dan ir-Regolament. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ il-miżuri tekniċi u ta' organizzazzjoni sabiex jiġi żgurat, b'mod partikolari, il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data. L-ipproċessar ulterjuri ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika għandu jitwettaq fejn il-kontrollur ikun evalwa l-fattibbiltà li jissodisfa dawk il-finijiet bl-ipproċessar ta' data personali li ma jippermettux jew ma jibqgħux jippermettu l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data, dment li jeżistu salvagwardji xierqa (bħal, pereżempju, il-psewdonimizzazzjoni tad-data). L-Istati Membri għandhom jipprevedu salvagwardji xierqa għall-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jipprovdu, taħt kundizzjonijiet speċifiċi u soġġetti għal salvagwardji xierqa għas-suġġetti tad-data, speċifikazzjonijiet u derogi fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni u drittijiet għar-rettifika, jew għat-tħassir,, li jintesew, għar-restrizzjoni tal-ipproċessar, ta' portabbiltà tad-data, u għall-oġġezzjoni meta tkun qed tiġi pproċessata data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika. Il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji inkwistjoni jistgħu jinvolvu proċeduri speċifiċi għas-suġġetti tad-data biex jeżerċitaw dawk id-drittijiet jekk dan ikun xieraq fid-dawl tal-finijiet imfittxija mill-ipproċessar speċifiku flimkien ma' miżuri tekniċi u organizzattivi mmirati biex jimminimizzaw l-ipproċessar tad-data personali skont il-prinċipji ta' proporzjonalità u neċessità. L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet xjentifiċi għandu jikkonforma wkoll ma' leġiżlazzjoni rilevanti oħra bħal provi kliniċi.
(157)
Bl-abbinar ta' informazzjoni minn reġistri, ir-riċerkaturi jistgħu jiksbu għarfien ġdid ta' valur kbir fir-rigward ta' kundizzjonijiet mediċi mifruxin bħal mard kardjovaskulari, il-kanċer u d-dipressjoni. Fuq il-bażi ta' reġistri, ir-riżultati tar-riċerka jistgħu jissaħħew, peress li huma jibbażaw fuq popolazzjoni akbar. Fix-xjenza soċjali, ir-riċerka fuq il-bażi tar-reġistri tippermetti lir-riċerkaturi jiksbu l-għarfien essenzjali dwar il-korrelazzjoni fit-tul ta' għadd ta' kundizzjonijiet soċjali bħall--qgħad u l-edukazzjoni, ma' kundizzjonijiet oħra tal-ħajja. Ir-riżultati tar-riċerka miksuba permezz ta' reġistri jipprovdu għarfien solidu u ta' kwalità għolja, li jistgħu jservu ta' bażi għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika bbażata fuq l-għarfien, itejbu l-kwalità tal-ħajja għal għadd ta' persuni, u jtejbu l-effiċjenza tas-servizzi soċjali. Sabiex jiffaċilita r-riċerka xjentifika, id-data personali tista' tiġi pproċessata għal finijiet ta' riċerka xjentifika soġġett għal kundizzjonijiet xierqa u s-salvagwardji stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru.
(158)
Fejn id-data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' arkivjar, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal dak l-ipproċessar, b'kont meħud li dan ir-Regolament ma għandux japplika għal data ta' persuni deċeduti. L-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi pubbliċi jew privati li jżommu reġistri ta' interess pubbliku għandhom ikunu servizzi li, skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, ikollhom obbligu legali biex jiksbu, iżommu, jivvalutaw, jagħmlu arranġamenti, jiddeskrivu, jikkomunikaw, jippromwovu, ixerrdu u jipprovdu aċċess għar-reġistri ta' valur fit-tul għall-interess pubbliku inġenerali. L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu awtorizzati jipprevedu li data personali tista' tkun ipproċessata ulterjorment għal finijiet ta' arkivjar, pereżempju bil-ħsieb li jipprovdu informazzjoni speċifika relatata mal-imġiba politika taħt reġimi fi stati totalitarji preċedenti, ma' ġenoċidju, ma' delitti kontra l-umanità, b'mod partikolari l-Olokawst, jew ma' delitti tal-gwerra.
(159)
Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' riċerka xjentifika, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal dak l-ipproċessar. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-ipproċessar tad-data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika għandu jkun interpretat b'mod wiesa' li jinkludi pereżempju l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni, ir-riċerka fundamentali, ir-riċerka applikata u r-riċerka ffinanzjata privatament u barra minn hekk għandu jieħu kont tal-objettiv tal-Unjoni skont l-Artikolu 179(1) tat-TFUE li tinkiseb Żona Ewropea tar-Riċerka. Finijiet ta' riċerka xjentifika għandhom jinkludu wkoll studji mwettqa fl-interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika. Biex jintlaħqu l-ispeċifiċitajiet tal-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika, għandhom japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi b'mod partikolari rigward il-pubblikazzjoni jew inkella l-iżvelar ta' data personali fil-kuntest ta' finijiet ta' riċerka xjentifika. Jekk ir-riżultat ta' riċerka xjentifika b'mod partikolari fil-kuntest tas-saħħa jagħti raġuni għal aktar miżuri fl-interess tas-suġġett tad-data, ir-regoli ġenerali ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw fid-dawl ta' dawk il-miżuri.
(160)
Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' riċerka storika, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal dak l-ipproċessar. Dan għandu jinkludi wkoll riċerka storika u riċerka għal finijiet ġenealoġiċi, b'kont meħud li dan ir-Regolament ma għandux japplika għal persuni deċeduti.
(161)
Għall-finijiet ta' kunsens għall-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' riċerka xjentifika fi provi kliniċi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill15.
(162)
Fejn tiġi pproċessata data personali għal finijiet ta' statistika, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal dak l-ipproċessar. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha, fil-limiti ta' dan ir-Regolament, tiddetermina l-kontenut tal-istatistika, il-kontroll tal-aċċess, l-ispeċifikazzjonijiet għall-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' statistika u miżuri xierqa biex jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data u jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-istatistika. Finijiet ta' statistika tfisser kwalunkwe operazzjoni ta' ġbir u l-ipproċessar ta' data personali meħtieġa għal stħarriġ statistiku jew għall-produzzjoni ta' riżultati statistiċi. Dawk ir-riżultati statistiċi jistgħu jkomplu jintużaw għal finijiet differenti, inkluż għal finijiet ta' riċerka xjentifika. Il-finijiet tal-istatistika jimplika li r-riżultat ta' pproċessar għal finijiet statistiċi mhix data personali, iżda data aggregata, u li dan ir-riżultat jew din id-data personali ma tintużax fl-appoġġ ta' miżuri jew deċiżjonijiet dwar xi persuna fiżika partikolari.
(163)
L-informazzjoni kunfidenzjali li l-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika jiġbru għall-produzzjoni tal-istatistika uffiċjali Ewropea u dik nazzjonali għandha tiġi protetta. L-istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u mqassma f'konformità mal-prinċipji tal-istatistika kif stabbiliti fl-Artikolu 338(2) tat-TFUE, filwaqt li l-istatistika nazzjonali għandha tkun konformi wkoll mal-liġi tal-Istat Membru. Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill16 tipprovdi aktar speċifikazzjonijiet rigward il-kunfidenzjalità tal-istatistika għall-istatistika Ewropea.
(164)
Fir-rigward tas-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji biex jiksbu l-aċċess mill-kontrollur jew mill-proċessur għad-data personali u aċċess għall-bini tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jadottaw permezz ta' liġi, fil-limiti ta' dan ir-Regolament, regoli speċifiċi sabiex jissalvagwardjaw l-obbligi professjonali jew obbligi ta' segretezza oħrajn ekwivalenti, dment li dan ikun meħtieġ sabiex id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jkun irrikonċiljat mal-obbligu ta' segretezza professjonali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi eżistenti tal-Istati Membri li jadottaw regoli dwar is-segretezza professjonali fejn ikun meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni.
(165)
Dan ir-Regolament jirrispetta u ma jippreġudikax l-istatus skont id-dritt kostituzzjonali eżistenti ta' knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri, kif rikonoxxut fl-Artikolu 17 tat-TFUE.
(166)
Sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali u biex ikun żgurat il-moviment liberu ta' data personali fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tkun iddelegata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE. B'mod partikolari, lgħandhom jiġu adottati atti delegati fir-rigward tal-kriterji u r-rekwiżiti għall-mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni, informazzjoni li trid tiġi ppreżentata permezz ta' ikoni u proċeduri għall-għoti ta' dawn l-ikoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(167)
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat implimentattivi meta previsti minn dan ir-Regolament. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra miżuri speċifiċi għal mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.
(168)
Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni dwar klawżoli kuntrattwali standard bejn il-kontrolluri u l-proċessuri u bejn il-proċessuri; il-kodiċijiet ta' kondotta; standards tekniċi u mekkaniżmi għaċ-ċertifikazzjoni; il-livell adegwat ta' protezzjoni li tingħata minn pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat fi ħdan dak il-pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali; klawżoli standard ta' protezzjoni; formati u proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-kontrolluri, il-proċessuri u l-awtoritajiet superviżorji għal regoli korporattivi vinkolanti; assistenza reċiproka; u arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord.
(169)
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn l-evidenza disponibbli turi li pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat f'dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali ma jiżgurax livell adegwat ta' protezzjoni, u raġunijiet imperattivi ta' urġenza jirrikjedu dan.
(170)
Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun żgurat livell ugwali ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi u l-fluss liberu ta' data personali fl-Unjoni kollha, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir- Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.
(171)
Id-Direttiva 95/46/KE għandha titħassar minn dan ir-Regolament. L-ipproċessar li diġà jkun qed isir fid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jsir konformi ma' dan ir-Regolament fi żmien sentejn wara li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ. Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens skont id-Direttiva 95/46/KE, mhux meħtieġ li s-suġġett tad-data jagħti l-kunsens tiegħu mill-ġdid jekk il-mod li ngħata l-kunsens huwa f'konformità mal-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, sabiex jippermetti lill-kontrollur ikompli tali pproċessar wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni u l-awtorizzazzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji bbażati fuq id-Direttiva 95/46/KE jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, mibdula jew imħassrai.
(172)
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fis-7 ta' Marzu 201217.
(173)
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali vis-à-vis l-ipproċessar tad-data personali, li mhijiex soġġetta għal obbligi speċifiċi bl-istess għan stabbilit fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill18, inkluż l-obbligi fuq il-kontrollur u d-drittijiet tal-persuni fiżiċi. Sabiex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u d-Direttiva 2002/58/KE, dik id-Direttiva għandha tiġi emendata kif xieraq. Ladarba dan ir-Regolament jiġi adottat, id-Direttiva 2002/58/KE għandha tiġi riveduta b'mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma' dan ir-Regolament,